Repubblika tikkundanna r-rifjut tal-Prim Ministru li jitlob apoloġija wara li nstab ħati ta' mġieba mhix etika mill-Kummissarju għall-Istandards. Fl-opinjoni tagħna dan ir-rifjut huwa fatt gravi.
Infakkru li l-Prim Ministru f'dan il-każ uża l-fondi tagħna lkoll, miġbura mit-taxxi li nħallsu, b'mod mhux xieraq.
Meta Dr Abela qed jirrifjuta li jitlob apoloġija għal dan in-nuqqas, huwa qed jippromwovi l-impunità fejn wieħed ma jerfax ir-responsabbilità għall-imġieba tiegħu. Huwa qed jibgħat ukoll il-messaġġ li wieħed jista' jabbuża mill-pożizzjoni tiegħu u juża l-fondi pubbliċi b'mod mhux xieraq.
L-imġieba tal-Prim Ministru qed tkompli tnawwar il-qalba tas-soċjetà Maltija u tippromwovi pajjiż fejn min jiflaħ jagħmel li jrid, anke dak li mhux sewwa.
Intennu wkoll li hemm bżonn li l-infieq tal-gvern f'pubbliċita' għandu jkun regolat bil-liġi. M'għandux jiddependi mill-aptit ta' prim ministru jitlobx skuża jew le, jekk ikunx hemm konsegwenza meta l-ministri jonfqu flus in-nies biex jiddandnu fil-filmati u r-ritratti bla skop ta' xejn ħlief il-pubbliċita' personali.