Ħbieb,

Insellmilkom u nirrangrazzjakom tas-sapport li tagħtuna u li jimliena b’kuraġġ kbir.

Bħal kull sena, Repubblika se tfakkar is-sitt xahar mill-anniversarju tal-mewt ta’ Daphne billi t-Tlieta 16 ta’ April tiġi ċċelebrata quddiesa fis-6.00 ta’ fil-għaxija fil-knisja ta’ San Franġisk, Triq ir-Repubblika, Valletta, u wara ninġabru quddiem il-mafkar tagħha faċċata tal-Qorti biex nisimgħu diskorsi minn Caoilfhionn Gallagher,  avukat speċjalizzata fil-kawżi tad-drittijiet tal-bniedem, Colm Regan, attivist u għalliem tad-drittijiet tal-bniedem, l-avukat Martina Farrugia, attivista f’Occupy Justice, u jien bħala President ta’ Repubblika.

Nagħmel appell biex dawk kollha li jemmnu fis-sewwa jingħaqdu magħna dakinhar fil-knisja jew quddiem il-mafkar tagħha ħalli nagħtu sinjal ta’ tama’ lill-familjari ta’ Daphne, u sinjal ta’ determinazzjoni lill-awtoritajiet li aħna m’aħna lesti naslu f’ebda kompromess biex issir il-ġustizzja li jixirqilha, u lanqas m’aħna se nieqfu qabel din titwettaq. Narawkom hemm! Ilkoll flimkien se naslu żgur!

Nieħu din l-okkazjoni biex nirringrazzja lil Robert Aquilina tax-xogħol siewi li għamel u jkompli jwettaq f’isem Repubblika fil-qrati biex il-ġustizzja ssir.

Se naslu!

Vicki Ann Cremona