Repubblika tesprimi l-awguri sinċieri tagħha lil Myriam Spiteri Debono li se tkun il-President ta' Malta.

Nesprimu wkoll l-apprezzament tagħna għall-isforz tal-Parlament kollu biex jintlaħaq konsensus u ssir għażla xierqa u miftehma tal-President li jmiss. Din mhix l-ewwel darba li ż-żewġ naħat tal-Parlament qablu dwar min għandu jkun President. Iżda din hi l-ewwel darba li l-Kostituzzjoni obbligat liż-żewġ naħat jilħqu ftehim. Għalkemm spiss wisq il-politika tagħna hi nieqsa mill-maturità u mit-tiftix tal-interess nazzjonali, il-ħatra ta' Myriam Spiteri Debono hi episodju li jtina t-tama.

Myriam Spiteri Debono serviet b'lealtà u diċenza fil-ħajja pubblika u qalbna qawwija li din il-ħatra se tkompli tirrifletti dawn il-valuri tal-karriera tagħha.

Fl-istess waqt għadhom jidwu f'widnejna l-kliem ta' Myriam Spiteri Debono nhar it-8 ta' Settembru 2021 meta għamlet diskors fiċ-ċerimonja uffiċjali ta' Jum il-Vitorja. Dak inhar Myriam Spiteri Debono fakkret kif lil Daphne Caruana Galizia qatluha biex isikktuha. Li l-qtil tagħha kien eżekuzzjoni marbuta mal-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħha ta' ġurnalista.
Dak inhar Myriam Spiteri Debono qalet li jkun tajjeb għal kulħadd jekk nirrispettaw ix-xogħol ta' min jagħmel il-ġurnaliżmu investigattiv u jxerred l-aħbarijiet, li l-ġurnaliżmu hu r-raba' pilastru tad-demokrazija.

Dan kien rikonoxximent rari jekk mhux uniku fil-kuntest ta' ċerimonja uffiċjali tal-istat.

Daqs kemm kien uniku l-appell ta' Myriam Spiteri Debono li jeħtieġ nindmu u ningħaqdu u nwaqqfu t-tgħajjir u t-tiftix ta' rebħiet partiġġjani waqt li nifirdu lill-poplu. Dak inhar qalet li "L-ġlieda għas-sewwa u għal governanza ġusta u tajba hi ġlieda kontinwa li tisfidana kuljum. Qatt m'għandna nieqfu nkunu viġilanti. Għandna ningħaqdu. Għandu jkollna s-sinsla nsewwu dak li nstab li hu mkisser u nsewwu dak li nirrealizzaw jeħtieġ jinbidel jew jevolvi."

Għalina dan id-diskors ta' Myriam Spiteri Debono hu manifest denju għal kull min jidħol fil-ħajja pubblika biex iservi u jagħmel pajjiż aħjar.

Hi t-tama sinċiera tagħna li din il-Presidenza ġdida tispira lill-istituzzjonijiet u l-komunità kollha biex "insewwu dak li nstab li hu mkisser," li jfisser li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li ilhom fuq l-ixkaffa mill-2021.

Hi t-tama sinċiera tagħna li din il-Presidenza ġdida tispira lill-istituzzjonijiet u l-komunità kollha biex "insewwu dak li nirrealizzaw jeħtieġ jinbidel jew jevolvi," li jfisser li tissejjaħ Konvenzjoni Kostituzzjonali li ilha mwiegħda mill-2012 u li s'issa dejjem ġiet posposta b'xi skuża jew oħra.

Nassiguraw lil Myriam Spiteri Debono l-appoġġ tagħna f'din il-missjoni ġdida tagħha.