Ninsabu xxukkjati li għal darb’oħra, evidenza li kienet f’idejn il-Qrati għosfrot.

Repubblika tqis li l-għibien ta’ evidenza fil-Qrati huwa inaċċettabli u min hu resposabbli għandu jġorr ir-responsabbiltà għal dan in-nuqqas gravi.

L-istorja mxandra mill-ġurnal The Times ta’ dal-għodu hija gravi u inkwetanti għall-diversi raġunijiet. Dan huwa attakk gravi fuq il-qalba tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja fejn qed titneħħa l-għodda bażika biex issir il-ġustizzja. Mingħajr evidenza, il-ġustiżżja ma ssirx u l-kriminal jirbaħ lis-soċjetà.

Dan huwa mument ieħor fejn l-Istat qed ifalli. Insostnu li l-Istat mhux xi ħaġa astratta imma persuni b’isem u kunjom li għandhom responsabbiltà lejna ċ-ċittadini.

F’dan il-każ il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għandu responsabbiltà ċentrali. Il-Ministru Attard għandu responsabbiltà li ssir il-ġustizzja. Għahekk Repubblika tistenna li l-Ministru Jonathan Attard:

  • jispjega x’ġara;
  • jara li min hu resposabbli iġorr ir-responsabbiltà ta’ għemilu;
  • igħid il-passi li qed jieħu biex dan ma jerġax jiġri;
  • jaħdem biex l-evidenza terġa’ tinġabar.

Jekk il-Ministru Jonathan Attard ma jridx jagħmel dmiru, il-Prim Ministru Robert Abela huwa responsabbli li jneħħih. Inkella il-Prim Ministru jkun qed jassumi r-responsabbiltà ta’ dan in-nuqqas gravi.

Ma rridux nibqgħu f’pajjiż fejn il-kriminali jgħaffġu fuq iċ-ċittadini onesti.