Nirreferu għall-artiklu ta’ Arnold Cassola fit-Times of Malta tal-lum.

Il-każ li jikteb dwaru Dott. Cassola jissottolinea żewġ aspetti importanti li dwarhom tkellmet Repubblika fil-passat u li jeħtieġu diskussjoni nazzjonali urġenti.

L-ewwel: il-liġi li suppost tipproteġi lill-whistleblowers m’hi effettiva xejn. Kull min jikxef il-korruzzjoni għandu jkun protett minn kwalunkwe azzjoni detrimentali bi tpattijja għas-servizz li jkun ta lill-pajjiż. Il-liġi għandha tipprovdi li kull min isofri vendikazzjoni, tkun xi tkun, ikun ikkumpensat għaliha u jingħata l-protezzjoni biex ma jbatix aktar. Jekk pajjiżna jrid bis-serjetà jiġġieled ‘il-korruzzjoni, ħadd m’għandu jibża li jiġi kkastigat għax jikxef dak li jaf.

It-tieni: kull min ilu jgħix Malta daqs kemm kien ilha l-persuna f’dan il-każ, kull min jagħmel Malta d-dar tiegħu, iħallas it-taxxi, u jipparteċipa anke b’mod volontarju fil-ħajja tal-komunità Maltija hu Malti anke jekk ma twelidx Malta. Dan il-fatt għandu jkun rikonoxxut biċ-ċittadinanza Maltija li hi d-dritt ta’ kull Malti, twieled fejn twieled. Iċ-ċaħda taċ-ċittadinanza lil min ħaqqu hi att diskriminatorju li jċaħħad lil dak li jkun minn drittijiet fundamentali. F’dan il-każ il-persuna kkonċernata ċċaħħdet mid-dritt li ma tiġix eżiljata minn darha u pajiżha għax rifset il-kallu ta’ ministru tal-gvern.

Din hi storja ta’ inġustizzja gravi, att ta’ gvern kattiv li jsawwat lil min kull ma ried jagħmel kien li jikxef lil min kien qed ifotti.

Fil-każ partikolari tal-persuna li jikteb dwarha Arnold Cassolla, nesiġu li b’mod indipendenti jiġu mistħarrġa l-fatti u jekk jirriżultaw korretti, il-persuna kkonċernata tingħata permess tiġi lura Malta, tingħata ċ-ċittadinanza Maltija, u tiġi kkumpensata għat-tbatija li sofriet mill-azzjoni vendikattiva tal-gvern.

Intennu s-sejħa tagħna għal riformi fl-oqsma tal-protezzjoni tal-whistleblowers u taċ-ċittadinanza. Hawn issib links għall-proposti tagħna għal dawn iż-żewġ setturi.