Repubblika hi mħassba ferm bid-disprezz li l-Prim Ministru Robert Abela qed juri lill-istituzzjonijiet tal-pajjiż u l-mod gravi li bih qed jgħaffeġ l-indipendenza tagħhom.

L-aġir tal-Prim Ministru fil-konfront tal-Parlament kien verament ta’ disprezz. Robert Abela ressaq emendi għall-mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-inkjesta pubblika fil-każ ta’ Jean Paul Sofia. Robert Abela tkellem fil-Parlament biex jagħti r-raġunijiet għalfejn m’għandhiex issir inkjesta pubblika. Robert Abela ivvota favur l-emendi li neħħew ir-riferenza għall-inkjesta pubblika.

Minkejja dan, ħamest ijiem biss wara l-vot tal-Parlament, għax hekk dehrlu li kien jaqbillu, Robert Abela ordna inkjesta pubblika bl-oppost ta’ dak li qal fil-Parlament u dak li bis-saħħa tiegħu iddeċieda l-Parlament.

Il-Parlament mhux każin li l-Prim Ministru jista’ jinjora kif u meta jaqbillu. Jekk nimxu hekk nistgħu noqgħodu bla Parlament u nagħmlu lil Robert Abela dittatur.

Hu daqstant tat-tħassib id-disprezz li Robert Abela qed juri lejn il-ġudikatura. Il-pressjoni fuq maġistrat inkwirenti li qed tinġieb bi skuża għall-falliment tal-pulizija hi oltraġġ fuq l-indipendenza tal-maġistrat. L-ittri ta’ Robert Abela lill-Prim Imħallef biex jugżawha huma abbuż fuq il-ġudikatura kollha li huma avżati li barra l-proċessi ta’ dixxiplina kkontemplati fil-kostituzzjoni, il-ġudikanti issa huma soġġetti wkoll għal ittri ta’ ċanfir u twiddib mill-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru l-bieraħ qal pubblikament li ddeċieda li jsejjaħ inkjesta pubblika għax ma jridx ikun “ostaġġ tal-Qrati”. Għalkemm kif jaf kulħadd aħna ridna mill-bidu li ssir inkjesta pubblika, ma nistgħu qatt naċċettaw l-idea li l-gvern, jew ikun min ikun, jieħu l-liġi b’idejh għax jiddejjaq jistenna ‘l-Qorti. Robert Abela m’għandux il-poter li jifforma qrati biex jissostitwixxu lill-Qrati mwaqqfa bil-kostituzzjoni. Jekk mod ieħor, nistgħu neħilsu mill-Qrati u nagħmluh dittatur.

Din l-imġieba tagħmel agħar il-kondotta ta’ Robert Abela f’dan il-każ. Meta injora lill-familja ta’ Jean Paul Sofia u meta għamel kunċert u siefer bil-jott f’nofs kriżi, Robert Abela wera ruħu bla qalb. Meta pprova jiskredita l-proċess ta’ inkjesta pubblika b’gideb fil-beraħ u fil-Parlament, Robert Abela were ruħu kompromess fl-isforz li jgħatti xtur xi ħadd li jista’ jinstab responsabbli minn inkjesta pubblika.

Imma meta ġie jitmejjel mill-Parlament u meta jibbulja lill-ġudikanti, Robert Abela qed jhedded bl-iktar mod ċar lill-għeruq mherrija ta’ dak li fadal mid-demokrazija tagħna.