Il-Gvern għandu jagħti kont ta’ x’ġara ħażin biex Jomic Calleja, ħati li kien qed jippjana sensiela t’omiċidji bl-importazzjoni t’armi qattiela, tħalla jaħrab minn Malta qisu ma ġara xejn.

L-istampa ilha diversi ġranet issaqsi x’miżuri ħa l-gvern biex iħares is-sigurtà tal-pubbliku waqt li Jomic Calleja kien qed jiġri barra wara l-kundanna tal-qorti. Jomic Calleja hu theddida ċara għall-vittmi li nafu li kellu f’moħħu u theddida għas-sigurtà tal-pajjiż kollu. Il-pjanijiet tiegħu, ippruvati fil-qorti u li għalihom ġie kkundannat, jikkostitwixxu periklu ċar għal min irid joqtol u għal min innoċentement seta’ jisfa vittma tiegħu għax jinzerta jkun bejn Calleja u ‘l min irid joqtol.

Fl-istess waqt il-gvern naqas mid-dmir fundamentali tiegħu li jipproteġi s-sigurtà nazzjonali meta kien jaf li persuna perikoluża bħal din tħalliet tiċċirkola u saħansitra titlaq minn Malta mingħajr ħadd ma nduna.

Jew bi traskuraġni jew minħabba nuqqas ta’ riżorsi vvutati lill-awtoritajiet kompetenti, dan il-falliment tal-gvern iqiegħed ħafna nies f’periklu ċar.

Il-Ministru Byron Camilleri u l-Kummissarju Anġlu Gafà għandhom jispjegaw irwieħhom u jerfgħu r-responsabbiltà tagħhom.