Il-Prim Ministru Robert Abela għandu l-obbligu li jagħti rendikont sħiħ lill-poplu Malti ta’ kif u għalfejn abbuż u korruzzjoni minn persuna qrib ħafna ministru tiegħu tħalla għaddej għal snin sħaħ.
Wara l-istorja ppubblikata llum mis-Sunday Times of Malta li kixfet skandlu gravi fejn xufier ta’ ministru ilu sitt snin jieħu benefiċċju ta’ diżabiltà severa fejn suppost ma jistax isuq, Repubblika qed tressaq dawn il-mistoqsijiet lill-Prim Ministru:
Min huwa l-ministru li ingaġġa din il-persuna bħala x-xufier tiegħu?
Min awtorizza lil din il-persuna tkun impjegata bħala xufier ta’ ministru?
Kienet segwita l-proċedura ta’ skrutinju għall-persuni li jkunu ser iservu fis-segretarjati tal-ministri?
Hemm persuni oħra fis-segretarjati tal-ministri li huma mdaħħla f’din ix-xibka ta’ korruzzjoni?
Jekk il-Prim Ministru Robert Abela se jibqa’ sieket, huwa jsir kompliċi f’din il-korruzzjoni fejn qed jinsterqu flus li suppost huma indirizzati għall-persuni b’diżabiltà severa.
Inħeġġu lill-Maltin u l-Għawdxin ta’ rieda tajba jingħaqdu magħna għada t-Tnejn 16 t’Ottubru fis-7:00pm ghad-dimostrazzjoni fi Triq Repubblika, il-Belt Valletta (tluq minn ħdejn Wembley Stores), u għall-Velja fis-7:30pm fi Pjazza l-Assedju l-Kbir, biex infakkru s-sitt anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.