Repubblika tilqa’ d-deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali mmexxi miċ-Chairperson Anna Mallia li sabet li meta l-FIAU keċċiet lil Jonathan Ferris waqt il-perjodu ta’ prova tal-impjieg tiegħu wettqet att ta’ diskriminazzjoni. Repubblika tilqa’ wkoll il-kumpens li ordna t-Tribunal li jpatti parti żgħira mit-tortura li l-gvern għadda u għadu jgħaddi minnha lil Jonathan Ferris sempliċiment għax wettaq xogħlu.

Ftit siegħat qabel tkeċċa ftit ġranet wara l-elezzjoni tal-2017, l-allura Ministru Edward Scicluna qal lill-istampa li r-rapporti tal-FIAU bi provi ta’ korruzzjoni li tinvolvi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u dwar il-Bank Pilatus inkitbu biex jiġu f’idejn il-media. Dakinhar Edward Scicluna pprova jiskredita l-evidenza kontra l-kollegi tiegħu billi jallega li l-investigaturi tal-FIAU iffabrikaw provi u tawhom lill-media jew lill-Oppożizzjoni. Wara din l-istqarrija pubblika tal-ministru, Jonathan Ferris spiċċa bla xogħol intortament.

Jonathan Ferris għadu jiffaċċja l-prosekuzzjoni, parti oħra mill-kampanja ta’ intimidazzjoni li wettaq fuqu l-gvern. Dan minbarra li meta ried jikxef x’sar jaf meta kien investigatur, il-gvern ċaħadlu l-protezzjoni ta’ whistleblower. Mhux hekk biss. Deputat tal-gvern avżah mill-Parlament li jekk Jonathan Ferris kellu, fil-proċess li japplika għall-protezzjoni ta’ whistleblower, jikxef xi ħaġa li sar jaf meta kien l-FIAU, jintbagħat il-ħabs qabel l-applikazzjoni tiegħu tkun ikkunsidrata.

Għandha tieqaf immedjatament il-persekuzzjoni ta’ Jonathan Ferris u l-pulizija għandha twaqqa’ l-każ kontrih. Jekk għadu jrid jixhed għandu jingħata l-protezzjoni kollha ta’ whistleblower.

Edward Scicluna, li żżattat biex f’isem il-gvern jiskredita investigatur ta’ kuxjenza, għandu jitlaq mill-funzjoni pubblika li għandu. Hu tassew tal-mistħija li bniedem li l-viljakkerija tiegħu issa hi kkonfermata minn Tribunal, hu llum il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali. Għandhom jitneħħew minn posthom Kenneth Farrugia (illum Kap Eżekuttiv tal-MFSA) u Alfred Zammit (illum Aġent Direttur tal-FIAU) li illegalment keċċew lil Jonathan Ferris f’att ta’ diskriminazzjoni u vendikazzjoni politika.

Issa li t-Tribunal sab li saret din l-inġustizzja, mhux biżżejjed li mit-taxxi tagħna nħallsu l-kumpens lill-vittma. Il-ministru u l-uffiċjali li wettqu din l-inġustizzja għandhom iħallsu t’għemilhom ukoll.