Ir-rapport ta’ The Sunday Times of Malta tal-lum kien ikun xokkanti li kieku ma konniex nafu li l-korruzzjoni daħlet fil-kultura ta’ kif jaħdem pajjiżna minn fuq s’isfel.
Dan l-iskandlu fih diversi implikazzjonijiet li mhux kollha jidhru mill-ewwel:
- Hu ċar li sistematikament uffiċjali tal-gvern u tal-Partit Laburista użaw il-fondi pubbliċi biex jixtru l-voti, li hi ħtija doppja: li wieħed jisraq il-flus tal-poplu għall-iskopijiet tiegħu u li wieħed jixtri l-voti.
- Deputat Laburista kien fiċ-ċentru ta’ skema ta’ frodi sistematika. Irreżenja mill-Parlament sentejn ilu meta l-Pulizija arrestatu fl-investigazzjoni tagħha dwar dan il-każ. Iżda għal sentejn sħaħ il-Partit Laburista u l-gvern ħbew dan il-fatt. Meta taħbi l-korruzzjoni tkun qed tgħinha mhux tiġġildilha.
- Għal snin sħaħ mijiet ta’ persuni ngħataw benefiċċju kull xahar fuq il-bażi ta’ dokumenti u firem iffalsifikati. Dan juri li s-sistemi ta’ kontroll u verifika biex jevitaw dawn iċ-ċirkostanzi fallew u ta’ dan hi responsabbli l-amministrazzjoni.
- Dan kien att ta’ diskriminazzjoni politika għax juri li sistematikament ġew aġevolati sostenituri tal-Partit Laburista bi flus li suppost huma merfugħha għal min għandu diżabilità severa irrispettivament minn jekk isostnix jew le lill-Partit Laburista.
- Dan kien episodju ieħor ta’ manipulazzjoni tal-voti fuq skala enormi li jkompli jżid id-dubju kemm l-elezzjonijiet ġenerali f’Malta għadhom u għad jistgħu jkunu ħielsa u ġusti.
- Sa ċertu punt il-Pulizija qed tagħmel xogħlha meta tressaq persuni li ħadu benefiċċji li ma kienx ħaqqhom. Iżda hi tassew ġustizzja falza li tikkastiga lil dawn il-persuni u tħalliha lixxa lil min uża l-poter politiku tiegħu biex jixtrihom bi flus ħaddieħor.
Bħall-ħafna skandli ta’ dawn l-aħħar snin dan l-iskandlu jgħallimna ħafna lezzjonijiet li l-gvern u l-Partit Laburista aktarx se jinjoraw.
Neħtieġu aġenzija speċjalizzata tal-infurzar tal-liġi li tiġġieled il-korruzzjoni.
Neħtieġu sforz nazzjonali biex nimmobilitaw il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Ħadd m’għandu jkun irid flus misruqa minn ħalq min ħaqqhom.
Neħtieġu partiti politiċi li jiġġieldu l-korruzzjoni bis-serjetà, fl-ewwel lok billi meta jiskopruha fi ħdanhom jiddenunzjawha mhux jgħattuha.
U jekk is-sistema ta’ benefiċċji soċjali tagħna mhix tilħaq nies li jaqgħu fil-faqar minħabba saħħithom, xogħol il-politiku għandu jkun il-promozzjoni ta’ skemi ġodda li jgħinu lil min qed ibati, mhux kif għamel id-Deputat Laburista Silvio Grixti: it-taparsi karità bil-frodi u s-serq.