Repubblika qed tippublika Digriet tal-Maġistrat Nadine Lia fejn illum ċaħdet it-talba mtennijja tagħna li tirrikuża ruħha milli tisma’ l-kawża tagħna fejn qed nisfidaw lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jobdi d-direzzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti fl-Inkjesta dwar Pilatus Bank. Il-Maġistrat Nadine Lia caħdet ukoll it-talba tagħna li jitħarrek jixhed quddiemha missier żewġha, l-avukat Pawlu Lia, li hu jew kien l-avukat ta’ Joseph Muscat u Keith Schembri, ta’ l-ewwel allegat u t-tieni konfermat, klijenti tal-istess Pilatus Bank u allegati benefiċarji tal-attivitajiet kriminali tiegħu.

Hi l-fehma ta’ Repubblika li bi kliemha u b’għemilha, il-Maġistrat Nadine Lia turi li la hi, li tista’ tkun, u lanqas tista’ tidher li hi imparzjali f’dan il-każ.

M’għandniex triq oħra allura ħlief li nfittxu li nħarsu d-dritt ta’ Repubblika li l-kawża tagħha tingħata smiegħ xieraq minn Qorti imparzjali u se nfittxu li nħarsu dan id-dritt permezz ta’ kawża Kostituzzjonali li se niftħu fil-ġranet li ġejjin.

Hi l-fehma ta’ Repubblika li s-sistema fejn ġudikant li jintalab jirrekuża ruħu minħabba kunflitt t’interess jiddeċiedi waħdu jekk għandux jilqa’ din it-talba, hi minnha nfisha inġusta u oltraġġ għad-dritt fundamentali għal smiegħ xieraq.

Fid-digriet tagħha tal-lum, il-Maġistrat Nadine Lia iċċanfar lil Repubblika għax tgħid li fir-rikors oriġinali tagħna tkellimna biss fuq id-Diretturi ta’ Pilatus Bank li l-pulizija għadha ma ressqitx u m’għamlet l-ebda riferenza għal Egrant. Għal xi raġuni l-Maġistrat Lia injorat dak li għidna dwar Egrant fir-rikors oriġinali tagħna li kien:

“Apparti minn hekk, ir-rikorrent jaf ukoll, u dan qed jingħad għall-kompletezza quddiem din l-Onorabbli Qorti, li l-Inkjesta Maġisterjali imsemmija li intemmet għall-ħabta ta’ Marzu 2021 ordnat li terġa’ tinfetaħ l-inkjesta EGRANT, liema EGRANT, kumpanija sigrieta fil-Panama imwaqqfa 48 siegħa wara l-elezzjoni ġenerali tal-2013 f’Malta, hija intimament marbuta mal-operat maħmuġ tal-Pilatus Bank, u dan kif inhu magħruf minn diversi rapporti lokali u internazzjonali.”

Meta l-Maġistrat Lia tinjora din ir-riferenza għal Egrant qed issib l-iskuża biex tiġġustifika lilha nfisha meta tgħid li m’għandhiex kunflitt t’interess . Dan għax il-kunjatu tagħha, Pawlu Lia, ma kienx u mhux l-avukat tad-diretturi tal-Pilatus Bank. Imma l-Maġistrat Nadine Lia qed xjentement u selettivament tinjora l-fatt magħruf minn kulħadd li l-kunjatu tagħha irrappreżenta lil Joseph Muscat meta talab li ssir Inkjesta dwar jekk Joseph Muscat kienx is-sid jew benefiċarju tal-Egrant. Il-provi possibbli li setgħu wieġbu din id-domanda kienu, kif inhu magħruf minn kulħadd, fil-pussess tad-diretturi tal-Pilatus Bank.

Hu l-interess manifest ta’ Joseph Muscat (u ta’ Keith Schembri) li d-Diretturi ta’ Pilatus Bank ma jitressqu qatt quddiem il-ġustizzja.

L-Inkjesta Pilatus Bank, kif intwera il-bieraħ minn Repubblika għall-ewwel darba, espressament tirrakomanda li tiġi investigata sew l-allegazzjoni li Pilatus Bank amministra transazzjoni li saret biex ixxaħħam lil Joseph Muscat, il-klient tal-kunjatu tal-Maġistrat Lia.

Il-fatt li qed tagħmel minn kollox biex tinjora dan kollu juri biċ-ċar li l-Maġistrat Lia m’hix, ma tistax tkun, u ma tistax tidher li tkun imparzjali f’dan il-każ.

L-istess żbilanċ manifest jista’ jispjega għalfejn il-Maġistrat Lia illum ramiet kopja ċertifikata bħala awtentika minn Nutar Pubbliku u ma qisitx dan id-dokument bħala prova ta’ dak li Repubblika tgħid hu estratt tal-Inkjesta Maġisterjali fil-Pilatus Bank.

Il-fatt hu li l-Maġistrat Lia għandha kull mezz kif tivverifika għas-sodisfazzjon tagħna jekk il-kopja li ċċertifika l-President ta’ Repubblika, in-Nutar Robert Aquilina, hix tassew awtentika. Kif tinnota l-Maġistrat stess il-Kummissarju tal-Pulizija li hu sfidat minn din il-kawża biex jimplimenta l-inkjesta u l-Avukat Ġenerali li qed tiġi sfidata minn Repubblika f’azzjoni legali separata, għandhom kull mezz li jikkonfermaw li l-kopja li ppreżentat Repubblika u l-oriġinali fil-pussess tagħhom humiex l-istess.

Anzi. Jekk Robert Aquilina qed jigdeb, kif qisha trid tissuġġerixxi l-Maġistrat Lia meta tarmi d-dokumentazzjoni li ppreżenta taħt ġurament, allura Robert Aquilina ħa ġurament falz u naqas bl-aktar mod serju u kriminali mill-obbligi professjonali tiegħu. Allura jekk il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali bl-aċċess dirett li għandhom għar-rapport oriġinali tal-inkjesta jafu li l-kopja preżentata min-Nutar Aquilina mhix awtentika, għandhom id-dmir li immedjatament jarrestaw u jħarrku lil Robert Aquilina u jakkużawh b’dawn ir-reati.

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina illum kiteb lill-Kummissarju tal-Pulizija u lill-Avukat Ġenerali u esiġa minnhom li huma jinformaw lill-Qorti li huma jafu li Robert Aquilina iċċertifika korrettement l-estratt tal-inkjesta u ħa ġurament validu dwar dan. L-unika alternattiva għal dan hi li jakkużawh fil-Qorti.

Nirreferu wkoll għall-parti tad-Digriet, fejn il-Maġistrat Lia tiddeskrivi inċident deskritt f’rikors ta’ Repubblika fejn il-kunjatu tagħha f’post pubbliku fittex u sab lil Robert Aquilina, kellmu b’herra dwar din il-kawża u fittex li b’intimidazzjoni iwaqqfu jew iġiegħlu jibdel l-argumenti li qed tagħmel Repubblika quddiem il-qorti bħala “inċident spontanju”.

Il-Maġistrat Lia qabel biss semgħet ix-xhieda kemm tan-Nutar Aquilina, kemm tal-kunjatu tagħha l-Avukat Lia, kif ukoll ta’ terzi li kienu fuq il-post, m’għandha l-ebda mod leġittimu kif tasal għal dan il-ġudizzju dwar in-natura tal-inċidenti imsemmi. Bilfors jinqala’ s-suspett raġjonevoli għall-aħħar li l-Maġistrat Lia privatament ikkonsultat mal-kunjatu tagħha dwar dan l-inċident. Is-suspett waħdu, aħseb u ara jekk dan hu dak li fil-fatt seħħ, hu raġuni għar-rekuża tal-Maġistrat Lia.

Repubblika tesprimi s-sogħba tara lill-ġudikatura tkun infettata b’dan l-aktar mod viljakk fil-kompliċità ta’ wħud mill-uffiċjali fl-istituzzjonijiet Maltin li suppost jinfurzaw il-liġi fl-impunità ta’ Joseph Muscat u dawk li kienu jew huma qribu.

Iżda bħal ma Repubblika tibqa’ temmen f’pulizija u prosekuturi ta’ rieda tajba, temmen ukoll li ħafna membri tal-ġudikatura jaqdu u jridu jaqdu dmirhom b’imparzjalità u b’ħaqq.

Hu għalhekk li quddiem din l-inġustizzja ser nerġgħu nduru fuq il-ġudikatura Maltija biex infittxu ġustizzja. Pajjiżna jixraqlu li l-kriminali jingħataw li ħaqqhom. Id-diretturi ta’ Pilatus Bank huma raġjonevolment suspettati li wettqu reati serji li għamlu ħafna ħsara lil Malta. Ma jistax ikun li biex jibqa’ mistur dak li għamel Keith Schembri u aktar Joseph Muscat, id-diretturi ta’ Pilatus jitħallew mingħajr konsegwenzi t’għemilhom u pajjiżna kollu, vittma tar-reati tagħhom, jitħalla mingħajr ġustizzja.