Fil-qorti dal-għodu Repubblika ġibdet l-attenzjoni ta’ erba’ maġistrati li huma impenjati f’inkjesti maġisterjali dwar suspetti ta’ korruzzjoni li tinvolvi ministri tal-gvern għal dak rappurtat il-bieraħ minn The Shift News dwar il-kontenut ta’ ftehim li għamel il-gvern ma’ Socar Trading SA f’April 2015.

F’dak il-ftehim il-gvern daħal garanti għad-djun kollha li Electrogas setgħet tagħmel mas-Socar. Din il-garanzija ma kinitx parti mill-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni pubblika li rebħet l-Electrogas u minkejja li l-gvern qal mod ieħor ma kinitx parti mis-sottomissjonijiet li għamel il-gvern lill-Kummissjoni Ewropea qabel din sabet li l-ftehim mal-Electrogas kien konformi mar-regoli dwar il-kompetizzjoni.

Fil-fatt issa li hu pubbliku, wara snin li l-gvern ħeba dan il-ftehim, hemm suspett ċar li l-ftehim mal-Electrogas li għamel il-gvern kiser il-liġi dwar il-limitazzjonijiet tal-għajnuna tal-istat lill-impriżi.

Repubblika tappella lill-Maltin u l-Għawdxin kollha ta’ rieda tajba biex għada filgħaxija jingħaqdu magħha fil-protesta li ser issir fil-Belt Valletta bit-tema “Irridu Azzjoni Kontra l-Korruzzjoni”. Id-dimostrazzjoni titlaq fis-7:30pm minn quddiem Wembley Stores.