Repubblika tiċħad il-gideb li qiegħed  jixtered fuq il-mezzi soċjali li hi rċievet jew tirċievi xi forma ta’ fondi mill-‘Malta Community Chest Fund’.  Mingħajr ma tidħol fil-mertu ta’ eliġibilità, Repubblika tiddikjara li la qatt talbet u lanqas irċeviet tali fondi mill-Community Chest fund. Dawn ix-xniegħat qegħdin jitferrxu b’intenzjoni qarrieqa u biex joskuraw il-ħidma ta’ għaqdiet volontarji. Repubblika tinnota b’disgust li għal bosta xhur ilha għaddejja kampanja ta’ denigrazzjoni u tixwix kontra NGOs. Tali kampanja sikwiet sabet kollaborazzjoni tal-gvern, uffiċjali u simpatizzanti tiegħu. F’demokrazija, dan mhuwiex aċċettabli. Minn mindu twaqqfet, Repubblika dejjem ġiet iffinanzjata mid-donazzjonijiet diretti ta’ eluf ta’ membri tal-pubbliku li jemmnu fil-ġlieda tagħha għall-verità u ġustizzja, b’rispett sħiħ tal-liġi.