Ix-xhieda mismugħa fil-Qorti llum kompliet tressaq l-assissinju ta’ Daphne Caruna Galizia lejn Kastilja u lejn il-qalba tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ix-xhieda tal-Pulizija li qed imexxu l-investigazzjoni tal-qtil ta’ din il-ġurnalista tinkludi allegazzjonijiet tal-waħx fuq Joseph Muscat u fuq Keith Schembri.

Repubblika tqis li l-Prim Ministru Robert Abela ma jistax iġib ruħu bħal Pilatu u jaħsel idejh.

Dr Robert Abela huwa l-mexxej tal-Partit Laburista u l-Kap tal-Grupp Parlamentari li Joseph Muscat għadu membru tiegħu.  Imma jidher li Robert Abela ma jistax ikeċċi lil Joseph Muscat avolja Chris Cardona u Konrad Mizzi spiċċaw mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Barra minn dan, Repubblika turi t-tħassib tagħha li donnu hawn elementi fl-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna li jridu jipproteġu lil Joseph Muscat u lil Keith Schmebri. Nistgħu inserħu moħħna li m’hawnx evidenza li qed titħalla tintilef u tisparixxi?  Anke hawnhekk, Dr Robert Abela għandu jerfa’ r-responsabbilità tiegħu ta’ Prim Ministru.