Repubblika tikkundanna l-politika ta’ kontinwità dettata mir-rebgħa u l-impunità tal -gvern ta’ Robert Abela li qed ikollha effetti diżastrużi fuq is-saħħa tagħna l-Maltin u ta’ dawk li jżuruna, fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, u konsegwentement, fuq l-ekonomija tagħna. Il-‘mekkaniżmi’ u l-protokolli implimentati minn Robert Abela u l-gvern tiegħu biex titqajjem l-ekonomija qegħdin ikollhom l-effett kuntrarju minn dak mistenni. Nisperaw li dawk il-protokolli li qegħdin jiġu stabbiliti għall-iskejjel mhumiex se jkollhom l-istess effetti diżastrużi,  u li mhux se jeffettwaw is-saħħa u l-benessri tat-tfal tagħna.

Fid-dawl tal-falliment tal-gvern ta’ Robert Abela biex jikkontrolla it-tifrix attwali tal-pandemija tal-COVID, Repubblika titlob inkjesta pubblika dwar il-miżuri li ttieħdu u li se jittieħdu biex iwaqqfu il-firxa tal-COVID.  Titlob ukoll li l’hekk msejħa protokolli għall-ftuħ tal-iskejjel  u tal-università jiġu ippublikati minnufih, biex il-ġenituri jistgħu ikollhom rashom mistrieħa li s-saħħa u l-edukazzjoni korretta tat-tfal tagħhom se tkun iggarantita u l-istudenti ikunu jistgħu jerġgħu jibdew l-istudju tagħhom fis-serenità.