Repubblika u l-Avukat Andrew Borg Cardona kitbu lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex jiġbdulhom l-attenzjoni għall-konklużjoni tal-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet u t-trasferiment lill-VGH.

Dan għamluh b’rabta mal-ilment li kienu għamlu l-Avukat Borg Cardona u Repubblika f’Ottubru 2019 kontra l-Imħallef Giovanni Grixti li fi stadju t’appell ħassar ordni ta’ Maġistrat li laqgħet talba ta’ Repubblika biex issir inkjesta kriminali dwar din il-privatizzazzjoni.

L-Imħallef Giovanni Grixti kien dakinhar qal li minħabba li Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna huma preżunti innoċenti ma kellhiex issir investigazzjoni fuq il-fatti li ressqet lill-Qorti Repubblika. L-Imħallef Grixti kien qal li Repubblika ressqet informazzjoni li kienet ippubblikata fil-midja u minħabba f’hekk skreditha.

Iżda issa l-Awditur Ġenerali ikkonferma l-akkużi li għamlet Repubblika li l-kuntratt mal-VGH kien maħdum qabel biss ħareġ it-tender. It-termini tal-kuntratt kienu miftiehma biex terbaħ żgur il-VGH. L-allura Ministru Konrad Mizzi hu responsabbli ta’ dawn il-manuvri skond l-Awditur Ġenerali u kif allegat fil-qorti Repubblika.

Bl-aġir tiegħu l-Imħallef Giovanni Grixti ipproteġa l-impunità ta’ Konrad Mizzi. Fl-istess ħin, kompla d-dewmien li bdiet il-pulizija meta ma investigatx l-informazzjoni li ħarġet bl-investigazzjonijiet ġurnalistiċi ta’ Daphne Caruana Galizia, tat-Times of Malta, ta’ The Shift News u ta’ oħrajn.

Biex issa nirrealizzaw li evidenza importanti t’aġir kriminali – bħal per eżempju l-Memorandum of Understanding mal-VGH iffirmat qabel biss ħareġ it-tender – laħqet inħbiet.

Hu ċar li d-dewmien biex tiġi applikatha l-liġi hu minnu nniffsu kollaborazzjoni mal-kriminali biex jeqirdu l-provi li l-istat għandu bżonn biex iwassalhom għall-ġustizzja.

Wara d-deċiżjoni tal-Imħallef Giovanni Grixti, Repubblika kienet għamlet talba oħra għal inkjesta li ntlaqgħet ukoll u l-inkjesta maġisterjali għaddejja.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fl-iskandlu tal-VGH, kulħadd ħa li ħaqqu għax Konrad Mizzi tneħħa mill-grupp parlamentari Laburista. Dak biss il-bidu. Dak li sab l-Awditur Ġenerali jikkonferma korruzzjoni li jrid jingħata kont tagħha fil-qorti kriminali.

Fl-istess ħin, min kien f’pożizzjoni li jinforza l-liġi u jara li l-ministri tal-gvern joqgħodu taħt il-liġi wkoll irid ukoll jassumi r-responsabbiltà. Mhux sew li l-investigazzjonijiet tal-ġurnalisti jikxfu l-korruzzjoni u mbagħad il-pulizija – bħal m’għamel Ian Abdilla, bl-ammissjoni tiegħu stess – jorqdu fuq il-provi; u l-qrati – bħal m’għamel Giovanni Grixti – japplikaw il-liġi ħażin biex iħallu l-politiċi korrotti u kriminali jiżgiċċaw il-ġustizzja.

Qed nippubblikaw kopja tal-ittra tal-Avukat Borg Cardona f’ismu u f’isem Repubblika mibgħutha lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.