REPUBBLIKA: ID-DEMOKRAZIJA PARLAMENTARI TAGĦNA KOMPLIET TIDDAJJEF AKTAR MINN QATT QABEL

Repubblika hija inkwetata ħafna dwar is-sitwazzjoni attwali fil-parlament.

Sfortunatament, jidher li l-kostituzzjoni tagħna toffri l-opportunità għan-nies fil-poter li jaġġixxu kontra r-regoli bażiċi tad-demokrazija u kontra s-sens komun, u li ironikament, jiġġustifikaw l-għemil tagħhom fuq bażi tal-kostituzzjoni nnifisha.

Aħna diżappuntati li l-kostituzzjoni tagħna ma kienitx kapaċi tipprovdi fehma ċara li tagħti direzzjoni previdibbli wara li maġġoranza ikkonfermata ta’ membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ddikjaraw li tilfu l-fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni. Il-President ta’ Malta l-bieraħ kien jidher li qiegħed iwaħħal fl-artikli tal-kostituzzjoni għan-nuqqas tiegħu li jagħmel dak li jidhrilna li l-kostituzzjoni qegħda tafdalu biex iwettaq.

It-tmexxija tajba tal-pajjiż – u allura l-benesseri tal-poplu kollu – tirrikjedi liġijiet bażiċi li għandhom riżultat previdibbli meta jiġu applikati, u li jiddependu mhux fuq lealtajiet partiġġjani jew ambizjonijiet personali ta’ dawk li jokkupaw pożizzjonijiet ta’ responsabbilta, iżda fuq dak li tgħid il-liġi. Minflok repubblika demokratika, jidher li Malta għandha oligarkija ta’ interessi magħmula minn grupp ta’ nies li jipproteġu lilhom infushom u lil xulxin.

Aħna inkwetati kif deċiżjoni daqshekk importanti ttieħdet mingħajr l-ebda forma ta’ trasparenza. Jidher li d-deliberazzjonijiet li ttieħdu saru kollha f’moħħ il-President. Il-pubblika m’għandu l-ebda għarfien dwar il-pariri li l-President rċieva, dawn il-pariri ta’ min kienu, jekk hu aċċettax dawn il-pariri jew iddeċiediex li jinjorahom, u jekk dawn il-pariri ġewx kontro-eżaminati.

Din hija okkażjoni rari fejn il-Kostituzzjoni ppretendiet, bir-raġun, li l-President jaġixxi indipendentement mill-gvern għaliex huwa kien qiegħed jagħżel il-persuna li għandha l-inkarigu li torganiżża u timmobiliżża l-oppożizzjoni kontrih. Madankollu din id-deċiżjoni ttieħdet wara bieben magħluqa, b’nuqqas totali ta’ trasparenza, u bla ma ntrefgħet pubblikament l-ebda responsabbiltà.

Huwa kawża ta’ tħassib kbir il-fatt li l-parlament qiegħed proprju f’dan il-mument jiddibatti jekk il-president għandux ikollu aktar poteri diskrezzjonali meta huwa tant ovvju li l-istituzzjoni nnifisha m’għandiex il-mezzi adwegati biex tittratta deċiżjonijiet bħal dawn, ta’ importanza nazzjonali daqshekk kbira.

Aħna ntennu l-opinjoni tagħna li dawn iċ-ċirkostanzi għandhom jiġu sottomessi għal proċedura trasparenti xierqa, forsi permezz ta’ Kunsill tal-Istat li jagħti lill-President parir imparzjali u bla preġudizzju.

Nerġgħu insostnu l-opinjoni tagħna li l-President ma jistax jiġi magħżul mill-gvern tal-ġurnata, u s’issa dan se jibqa’ il-każ minkejja l-emendi li qegħdin jiġu diskussi fil-parlament. Imma dan narawh fil-futur. Bħalissa għandna president magħżul apposta minn Prim Ministru minn ġewwa il-partit tiegħu stess, il-Partit Laburista. Aħna konna nistennew li f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-President George Vella joqgħod ħafn’iktar attent li jaġixxi b’mod l-aktar trasparenti possibli u mhux li jidher li qiegħed iservi l-interessi tal-eks-partit tiegħu.

Il-bieraħ il-President deher aktar ikkonċernat b’dak li hu sejjaħ ‘serenità’ milli li jara li l-liġi tiġi applikata. Ta’ spiss il-President iddeskriva ruħu bħala ‘l-gwardjan tad-demokrazija’ iżda l-bieraħ hu ddikjara li se jarmi dak li l-Kostituzzjoni iġġieħlu jagħmel, favur il-ġudizzju politiku tiegħu dwar dak li jagħżel hu li aħjar jagħmel.

Din id-deċiżjoni tkompli timblokka l-kapaċità tal-parlament tagħna li jwettaq dmiru li jżomm il-gvern taħt kontroll. Jekk il-President ħassu fil-jedd li jinjora l-artikli tal-Kostituzzjoni, missu ikkunsidra ħafn’iktar mill-bżonn għas-‘serenità’. Hemm ukoll il-ħtieġa għall-‘aġir effettiv’ li ma jistax jitwettaq sakemm, skond il-President innifsu, il-maġġoranza tal-membri tal-Oppożizzjoni m’għandhomx fiduċja fil-membru li għalih hu ikkonferma d-dmir li jmexxihom. L-uniċi persuni li jibqgħu ‘sereni’ f’dan il-kuntest huma l-membri tal-gvern, sereni għal-fatt li huma qegħdin jaffaċċjaw Oppożizzjoni mingħajr mexxej, li issa, bħala riżultat tad-deċiżjoni tal-President, tinsab aktar dgħajfa minn qatt qabel.

Minflok ipproteġa ‘l-kostituzzjoni, il-President għadu kif imminha.

Nosservaw ukoll li l-President għadu kemm ikkonkluda li deċiżjoni dwar il-ħatra ta’ persuna li għandha rwol kostituzzjonali ma tiġix iddeterminata permezz ta’ mezzi kostituzzjonali, imma minn partit politiku li huwa ggvernat mir-regoli tiegħu u mhux mill-membri tal-parlament.

Jekk dan huwa il-każ, mela il-Kostituzzjoni tagħna hija tassew inadegwata.

L-elezzjoni tal-membri tal-parlament hija rregolata strettament mill-liġi biex tassigura s-suffraġju universali, r-restrizzjoni ta’ aġir korrott, r-restrizzjoni ta’ finanzjamenti għall-kampanji elettorali, eċċ. Il-liġijiet li jiddeterminaw l-elezzjoni huma infurzati minn korpi kostituzzjonali indipendenti u dawk il-kandidati u membri li jiksru dawn il-liġijiet iridu jiffaċċjaw konsegwenzi kriminali.

Bil-kontra, l-elezzjoni ta’ uffiċjali ta’ partiti politiċi m’hija irregolata minn ebda liġi. Mexxej ta’ partit huwa magħżul b’suffraġju limitat u l-eliġibilità tiegħu/tagħha tiġi ddeterminata mill-partit stess. Il-proċess elettorali m’huwiex issorveljat indipendentement u m’hemm l-ebda infurzar minn naħa tal-liġi. L-aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni, speċjalment dawk tal-partit, mhuwiex irregolat, lanqas m’huma soġġetti għal xi liġi jew restrizzjoni s-sorsi ta’ finanzjament għall-kampanja għal din il-kariga uffiċjali.

Għalhekk għandna liġijiet biex nassiguraw li l-membri tal-parlament ma jiġux magħżula b’mezzi korrotti. Imma fil-fatt, dan m’għandu l-ebda importanza, għax fil-verità dawn il-parlamentari ma jiddeċiedu xejn. Huma l-partiti li jiddeċiedu, u għal dawn ma teżisti l-ebda liġi biex tipprevjeni l-korruzzjoni.

Jekk il-President għandu raġun jgħid li l-Kostituzzjoni tiddependi mill-partiti politiċi biex dawn jiddeċiedu għalina min huma dawk il-persuni li għandhom ikollhom kariga uffiċjali, allura dan ifisser li m’għandniex liġijiet li jiggarantixxu il-prinċipji l-aktar bażiċi biex demokrazija tkun tista’ verament tiffunzjona.

Il-Parlament suppost jirrifletti u jirrapreżenta r-rieda tal-poplu kollu. Imma minn kif jidhru l-affarjiet, il-membri li jiġu eletti fil-parlament lanqas għandhom id-dritt jagħżlu min għandu jmexxihom. Minflok, Il-President ħalla f’idejn grupp żgħir magħżul li ma jaqa’ taħt ebda forma ta’ regolamentazzjoni mill-liġijiet tal-pajjiż. B’dan il-mod, il-proċess demokratiku qiegħed jinħataf.

M’huwiex il-mandat ta’ Repubblika li tiġġudika jekk in-nuqqas ta’ fiduċja li l-membri parlamentari ddikjaraw li għandhom fil-mexxej tal-Oppożizzjoni huwiex iġġustifikat jew le. Huwa d-dritt tagħna, però, li nagħmlu l-osservazzjonijiet tagħna meta il-mekkaniżmi politiċi tagħna ma jirrispettawx ir-regoli bażiċi tad-demokrazija. Għalina jidher ċar li din il-gimgħa l-azzjonijiet tal-President aggravaw il-ħsara kbira lid-demokrazija parlamentari tagħna.