Elf Jum mill-Qtil ta’ Daphne Caruana Galizia
llum jaħbat l-elf jum mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Minkejja li l-assassinju tagħha sar f’mument wieħed elf jum ilu, hija kienet qed tiġi maqtula matul perijodu itwal minn min kellu l-poter fil-forom diversi tiegħu.
Repubblika qed tfakkar dan il-jum billi terġa tikkonferma l-impenn tagħha biex toħroġ il-verità sħiħa dwar dan il-qtil u biex issir ġustizzja.
Illum inġeddu l-impenn tagħna favur dak kollu li Daphne Caruana Galizia ħadmet għalih u li minħabba fih spiċċat maqtula, inkluż l-onestà, l-imġieba xierqa u l-kontabbilità fil-ħajja pubblika.
Aktar ma jgħaddi żmien, aktar qed naraw kemm Daphne kellha raġun meta, kultant anke waħedha, uriet li pajjiżna kien qed jinħakem mill-korruzzjoni.
Fil-waqt li nibqgħu rikonoxxenti għall-kontribut uniku li Daphne Caruana Galizia tat favur pajjiżna, intennu lill-korrotti kollha li ma rnexxilhomx iwaqqfuha għax aħna se nkomplu dak li hija bdiet.