NIEQFU MAL-MITEJN FAMILJA F’MALTA LI TILFU QRABA MINĦABBA L-COVID

Repubblika ttenni s-sogħba tagħha għat-telf ta’ mitejn mara u raġel li mietu f’dawn l-aħħar xhur minħabba l-imxija tal-covid-19. Ir-rata ta’ mwiet irduppjat fi ftit ġimgħat u waqt li n-numru ta’ familji li ġarrbu telfa jiżdied b’rata aktar mgħaġġla, toktor l-indiffirenza ta’ wisq nies li għadhom mhux milquta.

Bħal fil-bqija tad-dinja, il-pandemija tal-covid-19 qed tikkawża tbatija kbira lil ħafna nies f’pajjiżna. Hi kattiverja li jibqa’ minna min ikompli jġib ruħu qisu xejn m’hu xejn.

F’dawn il-jiem ta’ dieqa għalihom għalhekk, nibgħatu lill-familji li qed jibku lil qrabathom is-simpatija u s-sentiment ta’ solidarjetà tagħna.

Insellmu wkoll lill-eluf ta’ anzjani u persuni vunnerabbli li qed iqattgħu il-Milied weħidhom flok flimkien ma’ wliedhom u mal-familji tagħhom. Nassigurawhom li qegħdin fi ħsiebna u nittamaw bil-ħerqa li nkunu nistgħu nerġgħu ngħannquhom kemm jista’ jkun malajr.

Insellmu lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa u nirringrazjawhom tal-impenn tagħhom biex jikkurawna u jipproteġuna. Nafu s-sagriffiċju kbir li tlabna minnhom f’dawn ix-xhur u li għad nitolbu minnhom.

Lin-nies li jmexxu l-gvern nappellawlhom iwettqu dmirhom. Jagħtu eżempju tajjeb billi jagħmlu huma dak li jitolbu minna lkoll: iżommu d-distanza, ma jlaqqgħux nies li ma jgħixux flimkien għalxejn, jilbsu sew il-maskra. Fuq kollox nappellaw lill-awtoritajiet li jiftakru li l-ewwel priorità għandha tingħata lis-saħħa, mhux il-flus jew il-popolarità politika. Mingħajr saħħa, m’għandniex bżonn flus u wisq anqas politiċi popolari.

Meta ddur il-paġna u nibdew infiequ mill-ħsara tal-pandemija, se nesiġu li ssir inkjesta pubblika indipendenti biex nistudjaw x’għamel tajjeb u x’għamel ħażin l-Istat biex jevita l-imwiet minħabba l-pandemija. Hu dmir tagħna lejn il-200 Maltija u Malti li mietu minħabba l-imxija u lejn l-oħrajn li għad jitilfu ħajjithom, li nitgħallmu mit-telfa tagħhom u li darb’oħra, meta nerġgħu niffaċċjaw diżastru kiefer li ma nkunux qed nistennew, inkunu aktar preparati biex nipproteġu dawk fostna li huma l-aktar vulnerabbli.

Minkejja kollox, Repubblika tixtieq lill-komunità kollha Milied ta’ paċi u riflessjoni dwar dak li pajjiżna bata minnu f’din l-aħħar sena bit-tama għal snin aħjar quddiemna.