Issa li Rosianne Cutajar stqarret li tqies li m’għamlet xejn ħażin, nippretendu li l-prim ministru jwettaq dmiru lejn il-poplu Malti u jkeċċi lil Rosianne Cutajar mill-kariga tagħha fil-gvern tiegħu.

Repubblika tinsab xxukjata bl-aħbarijiet irrapurtati dalgħodu fil-gazzetti fir-rigward tas-segretarja parlamentari Rosianne Cutajar. Minn dak li qrajna, jirriżulta li s-segretarja parlamentari irċeviet somma kbira ta’ flus għal senserija, li l-ħlas sar fi flus kontanti, li din is-somma ġiet mingħand l-allegant mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li s-segretarja parlamentari ħbiet dan l-introjtu mid-dikjarazzjoni tad-dħul tagħha. U terġa’, il-ħlas fi flus kontanti lil Rosianne Cutajar sar meta kien diġà sar magħruf pubblikament li Yorgen Fenech hu s-sid ta’ 17 Black u li din ta’ l-aħħar kellha tagħmel negozju u tgħaddi pagamenti lil Hearnville u Tillgate ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Kull waħda minn dawn hi raġuni ampjament suffiċjenti sabiex Rosianne Cutajar ittemm minnufih il-karriera politika tagħha.

Kuljum qed joħorġu aktar fil-beraħ stat ta’ impunità għal dawk fil-poter jew qrib tiegħu u qrubija inaċċettabbli ta’ politikanti ma’ persuni fin-negozju u fid-dinja tal-kriminalità. Dawn huma ċ-ċirkustanzi li waslu għall-assassinju ta’ ġurnalista u sabiex pajjiżna spiċċa fuq ilsien id-dinja.

Dawn l-aħbarijiet huma prova oħra li l-istituzzjoniet Maltin mhux qed jiffunzjonaw. Waqt li pajjiżna jinsab fuq l-għatba ta’ rapport tal-Moneyval u bil-lenti tal-komunità internazzjonali iffukata fuqu, l-aħbarijiet ta’ dalgħodu jkomplu jżiedu r-riskju li l-pożizzjoni ta’ pajjiżna tkompli taggrava u li konsegwentement impjiegi ta’ Maltin u Għawdxin jintilfu.

Filwaqt li professjonisti qed jeħlu penali kbar mill-FIAU minħabba tentufiet, l-istess FIAU qed tkompli tagħlaq għajnejha għall-oxxenitajiet imwettqa mis-setgħana. Din mhix ġustizzja. F’pajjiżna teżisti liġi għall-allat u oħra għall-annimali.

Jekk il-prim ministru ma jkeċċix lil Rosianne Cutajar, ikun qed jagħmel tiegħu n-nuqqsijiet tagħha u jkun qiegħed għal darb’oħra jonqos mill-obbligu tiegħu lejn il-Poplu Malti li jiżgura diċenza fil-ħajja pubblika u legalitá.