Il-Parlament ikun qed jinsulta d-demokrazija jekk jsir strument ta’ impunità.

Repubblika hija mħassba li l-Gvern qed isostni li l-ex Prim Ministru Joseph Muscat m’għandux jirrispondi għall-fatt li l-Kummissarju għall-Istandards sabu ħati li qabeż is-setgħat tiegħu u li kiser il-Kodiċi tal-Etika meta ta struzzjonjiet lill-Awtorità tat-Turiżmu biex timpjega lill-Konrad Mizzi għall-80,000 ewro fis-sena.

Il-Prim Ministru Robert Abela issa qed jipprova jaħbi l-imġieba skorretta ta’ sieħbu u ma jħallix lill-Parlament iwettaq dmiru. B’hekk Dr Abela qed saħħaħ il-kultura ta’ impunità fejn min hu b’saħħtu jeħlisha u ma jerfax ir-responsabbilità ta’ għemilu.

Il-Gvern qed igħid li meta wieħed ma jibqax Membru Parlamentari lanqas jibqa’ responsabbli ta’ imġiebtu meta kien fil-Parlament. Din hija pożizzjoni skorretta, assurda u perikoluża.

Dak li qed isosstni l-Gvern huwa kontra dak li fil-fatt isir f’demokraziji parlamentari oħra.

Repubblika tittama li l-Ispeaker Dr Anglu Farrugia jiddefendi d-demokrazija parlamentari Maltija u jiġġieled l-impunità li jrid il-Gvern immexxi minn Robert Abela billi jiżgura li Joseph Muscat jirrispondi għall-imġieba tiegħu meta kien Membru Parlamentari.