Gvern li jiddefendi l-korrotti u li jaħbi s-serq tagħhom

Repubblika tqis li l-vot tal-membri tal-Gvern kontra inkjesta pubblika biex toħroġ il-verità dwar il-kuntratt maħmuġ u li issa jidher li jista’ jkun imċappas b’demm Daphne Caruana Galizia huwa insult lill-poplu Malti u daqqa ta’ ħarta lid-demokrazija.

Jeħtieġ li l-Prim Ministru Robert Abela u l-Gvern jifhmu li dmirhom huwa lejn iċ-ċittadini u mhux li jiddefendu lil sħabhom il-korrotti Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri.

Dan il-vot jikxef l-ipokrezija ta’ dawk li jxerdu d-dmugħ tal-kukkudrilli u li biex jidhru sbieħ joqgħodu jgħidu kemm iħossuhom traduti, li mhumiex parti mill-kitchen cabinet, li ma jafux x’kien għaddej jew li ma jiftakrux.

Aħna iċ-cittadini għandna d-dritt li nkunu nafu l-verità sħiħa dwar kif, minn min u fejn qed ninsterqu.

Robert Abela għandu obbligu lejn il-poplu u lejn is-sewwa.  Sħabu għandhom id-dmir li jqumu fuq saqajhom u ma jkunux beżżiegħa.

Sur Gvern, inwiegħduk li Repubblika mhix se tieqaf qabel ma nsiru nafu il-verità kollha u sakemm kull min kellu sehem fil-ħmieġ tal-Electrogas jirrispondi għall-għemilu.