Joe Cuschieri għandu jirriżenja immedjatament minn Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta għas-Servizzi Finanzjarji. Jekk ma jirreżenjax, il-Prim Ministru Robert Abela għandu d-dmir li jneħħih.

Repubblika tqis il-fatt li s-Sur Cuschieri aċċetta li Yorgen Fenech iħallasalu vjaġġ għal Las Vegas u li jkun ospitat ġewwa casino lussuż waqt li qed imexxi l-MFSA u xahar wara li spiċċa minn chair u kap eżekuttiv tal-Awtorità Maltija dwar il-Logħob (MGA) bħala ksur gravi ta’ etika professjonali u li jikkonferma li ma jixraqlux jokkupa dawn il-pożizzjonijiet.

Aħna nistagħġbu kif is-Sur Cuschieri ma jistħix iġib l-iskuża li kien għadu kemm spiċċa minn mal-MGA. Daqs li kieku xi ħadd isir ħabib daqshekk malajr li fi żmien xahar iħallaslu vjaġġ bl-ajru għal-Las Vegas u jirrangawlu biex joqgħod fil-casino lussuż Ceaser’s Palace.

Imġieba etika u professjonali titlob li wieħed ma jkollux dawn it-tip ta’ relazzjonijiet għall-perjodu wara li jkun temm il-ħatra. Barra minn hekk, is-Sur Cuschieri kien qed jokkupa pożizzjoni pubblika ċentrali fil-qasam finanzjarju.

Aħna ninsabu diżgustati b’dawn it-tip ta’ stejjer u nistennew azzjoni.

Il-Gvern għandu wkoll l-obbligi tiegħu. Din l-istorja tkompli fuq il-famużi vjaġġi li Yorgen Fenech kellu mal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u l-inbid Petrus u l-arloġġ Bulgari li ta lil Joseph Muscat.

Jidher li is-Sur Fenech kien iħobb jivjaġġa ma’ uffiċjali pubbliċi. Wasal il-mument li l-Gvern jara kemm hawn uffiċjali li siefru jew irċevew rigali mingħand Yorgen Fenech?

Dan huwa mument tal-verità għall-PM Robert Abela.

Se jieħu passi jekk is-Sur Cuschieri ma jirriżenjax? Jew se jagħlaq għajnejh bir-riskju li dan għandu fuq l-evalwazzjoni tas-servizzi finanzjarji li qed issir mill-Moneyval u l-impatt gravi ta’ rapport negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna u s-servizzi finanzjarji?

Min ma jiġġilidx il-korruzzjoni huwa korrott.

Dan huwa li jagħmel ħsara lil Malta u mhux min jiġġieled il-korruzzjoni.