Din hi r-reazzjoni inizjali tagħna għar-rapport ippubblikat mill-Kummissjoni Venezja llum.

Hu ċar mir-rapport tal-Kummissjoni li l-gvern u l-parlament adottaw tibdil fil-liġi b’għaġġla u mingħajr djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-istampa ħielsa f’Malta. Din kienet xi ħaġa li Repubblika insistiet ħafna fuqha iżda l-gvern injorana.

Issa l-gvern qed jintalab mill-Kummissjoni Venezja biex jerġa’ jibdel dawn il-liġijiet il-ġodda biex jikkoreġi l-“iżbalji” li għamel.

Il-Kummissjoni Venezja avżat lill-gvern li dan it-tip ta’ tibdil fil-liġi u fil-kostituzzjoni mhux aċċettabli li jsir mingħajr konsultazzjoni wiesgħa. Il-Kummissjoni offriet li tgħin lill-gvern jistabilixxi proċedura ġusta għall-Konvenzjoni Kostituzzjonali biex is-soċjetà ċivili tkun inkluża b’mod ġenwin.

Il-Gvern għandu minnufih jiftaħ djalogu sinċier mas-soċjetà ċivili, mgħejjun mill-Kummissjoni Venezja, biex ma nerġgħux naħlu sentejn oħra f’riformi żopop u li jipperikolaw id-demokrazija u s-saltna tad-dritt f’pajjiżna.

Repubblika, kif għamlet f’dawn l-aħħar sentejn, iġġedded l-impenn tagħha li tipparteċipa b’mod kostruttiv u determinat fi sforz ġenwin biex Malta twettaq ir-riformi demokratiċi li tant għandha bżonn.

Fl-istess waqt nissieħbu fid-diżappunt kbir li esprimiet il-Kummissjoni Venezja fl-imġieba tal-gvern Malti s’issa waqt li ma nitilfux it-tama li din it-twiddiba ma tmur bħall-oħrajn ta’ qabilha, u l-gvern jibda juri impenn sinċier biex Malta ma tibqax maħkuma mill-kriminali u l-korrotti.

Repubblika se tħejji reazzjoni dettaljata għar-rapport pubblikat illum u tippubblika meta tkun lesta.