Repubblika tniedi il-kampanja  “Active & Responsible Citizenship” 

Ilkoll għandna dritt nippretendu gvern nadif. Imma d-demokrazija tiddependi wkoll minn ċittadini infurmati u li jipparteċipaw. L-edukazzjoni hi l-aqwa għodda biex ikollna ċittadini infurmati u demokrazija b’saħħitha.

Illum Repubblika qed tniedi kampanja edukattiva bl-isem “Active & Responsible Citizenship”, li għandha l-għan li tippromwovi ċittadinanza attiva u responsabbli u kultura ta’ demokrazija, rispett tad-drittijiet tal-bniedem u s-saltna tad-dritt. Din il-kampanja hi mfassla fuq dikjarazzjoni ta’ valuri u prinċipji li tinsab fuq il-website ta’ Repubblika (repubblika.org).

L-ewwel inizjattiva ta’ din il-kampanja hi kompetizzjoni annwali li twassal għal Lelja għad-Demokrazija. Għal din il-kompetizzjoni huma mħeġġa japplikaw l-istudenti kollha fl-iskejjel Maltin u Għawdtxin bejn is-seba’ sena (Form 1) u t-tnax-il sena (sixth form). Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni hi mqassma fi tlett kategoriji ta’ età u tista’ tieħu forma ta’ essay jew poster fuq waħda minn għaxar temi ispirati mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Fix-xhur li ġejjin din il-kampanja ser tipproduċi messaġġi fuq ir-radju u videos fuq is-social media fuq temi partikolari – bħal per eżempju l-protezzjoni tal-ġurnalisti, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-separazzjoni tal-poteri – kif ukoll li juru l-konsegwenzi negattivi ta’ prattiċi ħżiena fis-soċjetà tagħna, bħal per eżempju l-klijenteliżmu politiku. Bl-istess intenzjoni hemm il-ħsieb li jkunu pubblikati kotba għat-tfal.

Repubblika ser tkun qed tikkollabora ma’ kunsilli lokali u NGOs oħra li jikkondividu l-valuri u l-prinċipji li fuqhom hi mibnija din il-kampanja.

Il-pubbliku hu inkoraġġit iżur il-paġna biex isir jaf aktar u jagħti sehmu f’din l-inizjattiva. Fis-sezzjoni tal-website dedikata għall-kampanja Active & Responsible Citizenship il-pubbliku jista’ ukoll jagħti l-kontribut finanzjarju tiegħu għal din l-inizjattiva edukattiva.