Mehmuzin ma’ dan l-email tistghu ssibu r-ritratti li ttiehdu lbierah fis-Serata ghad-Demokrazija li saret fil-grawnds ta’ San Alwigi li Repubblika organizzat bhala l-gheluq ghall-kompetizzjoni li saret matul dis-sena skolastika tac-Cittadinanza Attiv u Responsabbli. Waqtha, studenti kellhom l-opportunita’ jipprezentaw il-komponimenti u t-tpingija rebbieha taghhom, li trattaw diversi temi relevanti, fosthom id-drittijiet demokratici, il-gurnalizmu hieles, u d-dritt ghall-informazzjoni qabel ma gew prezentati b’diversi kotba bhala l-premijiet taghhom minn Dr. Robert Aquilina, President ta’ Repubblika, u l-patrun tal-lejla Rev. Dr. Joe Borg, akkademiku u gurnalist maghruf hawn Malta.

Tistghu wkoll issibu d-diskors li sar minn Dr. Robert Aquilina, u l-punti ewlenin tad-diskorsi Rev. Dr. Joe Borg u r-Rettur tal-Kullegg ta’ San Alwigi Fr. Jimmy Bartolo.


Il-Ġurnaliżmu u l-Libertà tal-Espressjoni

Diskors ta’ Dr Robert Aquilina, President – NGO Repubblika
Is-Sibt 9 ta’ Lulju 2022

Fr Joe Borg, Rettur, Kapijiet ta’ Skejjel, studenti u ġenituri, nibda biex nirrangrazzjakom għall-parteċipazzjoni tagħkom f’din is-serata.

Ma jistax ikollna demokrazija jekk ma jkollniex ġurnaliżmu; Ma jistax ikollna demokrazija jekk mhux kull vuċi fis-soċjetà tagħna titħalla tinstema’, anke l-iktar vuċi skomda, anke l-iktar vuċi li forsi ma taqbilx magħha.

Matul dawn l-aħħar snin, il-ġurnaliżmu kien strumentali biex f’pajjiżna tinżamm ħajja d-demokrazija. Kien permezz tal-ġurnaliżmu li aħna ċ-ċittadini sirna nafu bi stejjer – spiss stejjer dwar abbużi – li aħna lkoll għandna dritt li nkunu nafuhom.

Mingħajr ġurnaliżmu ħieles, b’saħħtu u effettiv aħna nkunu qed niċċaħdu minn dan id-dritt bażiku f’demokrazija: id-dritt li nkunu nafu l-verità dwar kif qed jiġu amministrati flusna u pajjiżna.

Inżid ngħid li mhux biss għandna dritt inkunu nafu x’qed jiġri fil-kurituri tal-poter, iżda għandna dmir li nsegwu, u li nżommu rwieħna infurmati. 

Biex demokrazija tiffunzjona tajjeb jeħtieġ li l-poplu jkun infurmat u jkun infurmat tajjeb u bil-fatti kollha, inkluż dawk l-aktar skomdi u dawk l-iktar kontroversjali. Poplu mhux infurmat jew infurmat ħażin jista’ jieħu biss deċiżjonijiet ħżiena.

Ma jistax ikollna demokrazija jekk ma jkollniex il-verità.

Matul dawn l-aħħar snin rajna li minkejja li għandhom ferm inqas riżorsi mill-istituzzjonijiet tal-Istat, u minkejja li l-liġi ma tagħtihom ebda poteri eżekuttivi biex jinvestigaw, il-ġurnalisti indipendenti kienu strumentali biex aħna sirna nafu b’dak li tassew kien qed jiġri fil-kurituri tal-poter ta’ pajjiżna.

Kienu l-ġurnalisti, l-ewwel waħda Daphne Caruana Galizia, li esponew abbuż wara l-ieħor li kien u għadu qed isir bil-ġid tagħna. Kienu l-ġurnalisti li ssalvagwardjaw id-dritt tagħna li nkunu nafu x’qed jiġri tassew f’pajjiżna.

Huwa għalhekk ukoll li jeħtieġ li bħala pajjiż nagħrfu l-importanza li għandu l-ġurnaliżmu u li nirrikonoxxuh bħala r-raba’ pilastru tad-demokrazija tagħna.

Huwa għalhekk li jeħtieġ li nagħtu iktar għodda lill-ġurnalisti biex ikunu jistgħu jaħdmu u jwasslulna l-verità.

B’mod konkret, jeħtieġ li l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni ma jitħallewx mhux imwieġba jew jitwieġbu xhur jew snin tard.

Jeħtieġ li l-politiċi u dawk responsabbli mill-istituzzjonijiet tagħna jissottomettu ruħhom għall-iskrutinju tal-ġurnalisti u jwieġbu d-domandi tagħhom f’intervisti u konferenzi għall-aħbarijiet.

Jeħtieġ ukoll li l-ġurnaliżmu nsostnuh bħalma nsostnu l-pilastri l-oħra tad-demokrazija tagħna. Huwa stat ta’ fatt li l-ġurnaliżmu llum qed jiffaċċja kriżi ta’ riżorsi; kemm riżorsi umani, kif ukoll riżorsi finanzjarji.

Ikunu inutli d-diskorsi tagħna fuq l-importanza tal-ġurnaliżmu jekk imbagħad inħalluh imut mewta naturali billi ma ninvestux fih. Agħar minn hekk, jekk inħallu l-finanzjament tal-ġurnaliżmu f’idejn min għandu l-iktar ġid jew poter politiku, inkunu qed nissograw li nitilfu l-ġurnaliżmu ħieles u investigattiv li tant huwa importanti għad-demokrazija tagħna.

Jeħtieġ, għaldaqstant, nagħżlu x’tip ta’ ġurnaliżmu rridu għal pajjiżna. Irridu ġurnaliżmu li jaħsel l-imħuħ tal-poplu bħalma spiss ikun il-ġurnaliżmu tal-media tal-partiti? Irridu ġurnaliżmu li jilgħaq il-poter bħalma spiss ikun il-ġurnaliżmu tax-xandir tal-istat? Irridu ġurnaliżmu skjav tal-big business għax ikun jiddependi mir-reklamar u mill-kuntratti tal-PR?

Jew irridu ġurnaliżmu li jkun tassew indipendenti, li ma jħares lejn wiċċ ħadd u li jwassal lill-poplu dawk l-istejjer, dik l-informazzjoni skomda għall-poter, li l-poplu għandu dritt ikun jaf; li l-poplu għandu jkun jaf biex jieħu deċiżjonijiet tajba?

Jiena ngħid, u m’għandix dubju li taqblu miegħi, li huwa f’dan it-tip ta’ ġurnaliżmu li għandna ninvestu.

Meta ngħid ‘ninvestu’ m’iniex nitkellem biss dwar finanzjament li jiżgura l-indipendenza tal-ġurnalisti tagħna. Qed nitkellem ukoll dwar li l-ġurnalisti jkunu protetti biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom sew.

Il-kriżi fir-riżorsi umani fil-ġurnaliżmu mhix frott biss tan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Ħafna ġurnalisti li niltaqa’ magħhom ikellmuni dwar theddid kontinwu li jkollhom. Ħafna ġurnalisti jitkellmu dwar kampanji oxxeni ta’ assassinju tal-karattru intiżi biex itellfuhom ir-reputazzjoni ħalli l-istejjer tagħhom ma jitwemmnux.

Ħafna ġurnalisti ħallew il-professjoni jew qed jaħsbu li jħallu l-professjoni ġurnalistika minħabba l-ambjent ostili li jinħoloq fil-konfront tagħhom fuq is-social media.

Għalhekk, ibda biex, jeħtieġ li l-politiċi u l-mexxejja tagħna jgħaddu mill-kliem sabih u ċeremonjali għall-fatti. Min f’pajjiżna jagħmel il-mistoqsijiet, min f’pajjiżna jinvestiga, min f’pajjiżna jikteb u jinforma m’għandux ikun demonizzat u għandu jkun protett.

Il-ġurnaliżmu jeħtieġ protezzjoni anke mill-pilastri l-oħra tad-demokrazija tagħna. Spiss wisq, matul dawn l-aħħar snin, il-ġurnaliżmu mela l-vojt li ħallew dawn l-istituzzjonijiet.

L-aqwa protezzjoni li jista’ jkollhom il-ġurnalisti hija li dawn l-istituzzjonijiet jiffunzjonaw u jiffunzjonaw fil-pront biex ma jkollniex iktar impunità f’pajjiżna. L-istejjer li jippubblikaw il-ġurnalisti għandhom ikunu investigati minnufih, mingħajr tkaxkir tas-saqajn u mingħajr l-istituzzjonijiet tagħna ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

L-ikbar theddida li jista’ jkollu ġurnalist hija li nies kriminali li jirraporta dwarhom jibqgħu jiġru mas-saqajn; jibqgħu mhux imressqa l-Qorti; jibqgħu mhux investigati kif għandhom ikunu investigati.

Id-demokrazija tagħna sserraħ fuq pilastri u kull pilastru jeħtieġ jerfa’ parti mill-piż. Kull darba li dawn il-pilastri jogħtru, id-demokrazija tagħna tikkollassa.

Dan rajnieh jiġri, anzi, dan ratu d-dinja kollha meta ħames snin ilu kienet assassinata l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan qalitulna b’mod mill-aktar ċar inkjesta pubblika tal-Istat. Ejja ma nħallux il-kliem miktub mit-tliet imħallfin fil-konklużjonijiet tal-inkjesta jaqgħu fuq widnejn torox.

Biex id-demokrazija tagħna tkun tassew demokrazija effettiva jeħtieġ ukoll li ebda vuċi ma tkun imsikkta.

Mhux biżżejjed il-prietki fuq il-libertà tal-espressjoni jekk mhux kull vuċi jkollha l-ispazju u l-possibiltà li tinstema’.

L-Istat huwa fid-dmir li jieħu miżuri effettivi biex il-vuċi ta’ ħadd fis-soċjetà tagħna ma tissekket. Imma mhux biss. L-Istat għandu jkun proattiv u joħloq u jgħin fil-ħolqien ta’ spazji fejn il-vuċijiet kollha fis-soċjetà jinstemgħu.

Dawn l-ispazji – bħax-xandir nazzjonali – għandhom iservu biex jagħtu vuċi lill-poplu u mhux bħala għodda ta’ propaganda għal min imexxihom.

Mill-espejenza personali nista’ ngħid li dan illum mhuwiex qed jiġri. Biżżejjed ngħid li fl-iskeda ta’ Television Malta li għadha kif intemmet, aħna ta’ Repubblika qatt ma konna mistiedna fuq programmi biex nitkellmu dwar il-pożizzjonijiet li konna qed nieħdu. Qatt ma ngħatajna spazju biex nippreżentaw il-pożizzjonijiet tagħna u biex niddibattuhom anke ma’ min ma jaqbilx magħna.

F’demokrazija l-ideat u l-opinjonijiet jeħtieġ jinstemgħu u jkunu diskussi u mhux jinħbew u jissikktu. M’hemm xejn ħażin f’li ma naqblux ma xulxin imma hemm ħafna ħażin f’li nsikktu lil xulxin.

Għeżież studenti, teħdux id-demokrazija tagħna for granted. Hemm min għandu interess li l-ġurnaliżmu indipendenti ma jibqax jeżisti. Hemm min jaqbillu bil-goff li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż ikunu ġġamjati u li l-pilastri tad-demokrazija jiddgħajfu. Hemm min irid li tinstema’ l-vuċi tiegħu biss u li l-oħrajn jissiktu.

Dawn huma nies li għandhom il-poter u li għandhom il-flus. Tħalluhomx jagħmukom. Tħalluhomx lanqas jipprovaw jixtrukom. Iċċedux għall-pressjoni. Kunu intom ukoll pilastru għad-demokrazija tagħna billi lil dawn it-talin tiqfulhom.

Iqfulhom billi tiddefendu l-ġurnaliżmu san u indipendenti. Iqfulhom billi tagħmluha ċara li tridu tkunu tafu l-verità. La tibżgħux mill-verità għax intom m’għandkomx minn xiex tibżgħu. 

Grazzi ħafna.


Fr Jimmy Bartolo, Rettur tal-Kulleġġ ta’ San Alwigi, B’Kara

Ir-Rettur esprima s-soddisfazzjon tiegħu li jara tant żgħażagħ li jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni għaliex hu konxju tal-fatt li parteċipazzjoni bħal din tħalli impatt qawwi fuqhom. 

Hu tkellem dwar il-qtil makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li hu tebgħa u diżunur kbir għal pajjiżna. Aktar u aktar meta tirrealizza li minkejja li saret inkjesta pubblika li sabet lill-istat responsabbli għal dan il-qtil makabru u ngħataw rakkomandazzjonijiet, baqa’ ma sar xejn. Fr Jimmy Bartolo appella lill-gvern preżenti li hu fid-dmir li jara li dawk ir-rakkomandazzjonijiet jiġu attwati, iżda saħaq fuq il-ħtieġa li ż-żgħażagħ jsemmu leħenhom u jitolbu li ssir ġustizzja. Ir-Rettur iffoka fuq tlett punti ta’ sfida liż-żgħażagħ li jridu jħaddnu l-valuri veri: 

1) il-ħarsien tal-embrjuni li ma jistgħux jiddefendu ruħhom u għalhekk irridu niddefenduhom aħna;

2) il-ħarsien tal-ambjent li fih irridu ngħixu. Ma nistgħux naċċettaw passivament il-bini bla gost li qiegħed ifarrak kull forma tal-estetika f’pajjiżna;

3) it-tfittxija u l-ġlieda favur il-verità. Kull persuna għandha kull dritt li tħaddan il-fehmiet tagħha politiċi, iżda hu fondamentali li l-verità għandha tiġi qabel kollox, anki jekk dan ifisser li teħodha kontra t-twemmin politiku tiegħek.


Rev. Fr Joe Borg 

Fr Borg, il-mistieden speċjali tas-Serata għad-Demokrazija li ġie għall-attività b’sens ta’xettiċizmu, wara li sema’ x-xogħolijiet taż-żgħażagħ u ra l-entużjazmu tagħhom, ħassu mimli b’kuraġġ. Hu tkellem dwar li sejjaħ l-element l-aktar importanti fil-medja, jiġifieri, l-udjenza. Kollox iħoll u jorbot fuq kemm u kif l-udjenza taġixxi għall-mezzi tal-informazzjoni. Il-poplu jkollu l-medja li tistħoqqlu u għalhekk waqt li hu dritt ta’ kull persuna li jkollha informazzjoni sħiħa u ħielsa, dan jfisser ukoll responsabbiltà. Fr Borg appella liż-żgħażagħ biex isemmgħu leħenhom, jirreaġixxu għall-informazzjoni li tasal għandhom, ikunu bil-għaqal biżżejjed biex jagħrfu jekk il-verità sħiħa hux qed tasal għandhom jew le. 

L-agħar ħaġa li tista’ tiġri fil-medja meta l-udjenza ma turi l-ebda reazzjoni, jew agħar minn hekk, ma taċċettax kritika u tqies bħala għadu lil dawk li jagħmlu kritika kostruttiva, u kif ġieli jiġri, issir battalja ta’ demonizazzjoni kontra min isemma’ leħnu. Il-ġurnalisti għandhom ikunu accountable u għalhekk kull persuna għandha d-dmir li tikkritika b’íntelliġenza. B’hekk biss jista’ jkollna ċittadini attivi li jaħdmu favur soċjetà li thaddan il-valuri ta’ demokrazija vera.