Il-Prim Ministru għandu jieqaf jimmina d-demokrazija u jmermer l-istituzzjonijiet b’ħatriet partiġġjani.  Kull waħda minn dawn il-ħatriet skandalużi issir bl-approvazzjoni diretta tal-Prim Ministru.

Repubblika tesprimi t-tħassib tagħha dwar il-pjan li ex ġurnalista tal-istazzjon tal-Partit Laburista tkun maħtura bħala d-direttur tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.  

Din il-ħatra, li kienet żvelata mit-Times of Malta, hija sintomu ikraħ ta’ Gvern li ma jiddistingwix bejn partit u gvern, anzi il-gvern ikun meqjus bħala għodda biex isaħħaħ il-partit.

Is-sitwazzjoni tkompli ssir gravi meta tkun kunsidrata s-sensiela sħiħa ta’ ħatriet partiġġjani li għaddejjin bħalissa, inkluż il-ħatra ta’ membri tas-segretarjat privat tal-PM Abela bħala Segretarju tal-Kabinett u ieħor bħala bħala Kap Eżekuttiv tal-aġenżija Festivals Malta, kif ukoll il-ħatra ta’ ġurnalista oħra tal-istazzjon tal-Partit Laburista bħala direttur tal- Libyan Arab Maltese Holdings.

L-aġir tal-Prim Ministu u l-Gvern qed jikkastiga l-persuni kompetenti imma li mhumiex tal-qalba, idgħajjef l-istituzzjonijiet milquta kif ukoll imermer il-fiduċja pubblika fihom.