Delegazzjoni mill-organizzazzjoni Repubblika illum kellha laqgħa mal-Malta Police Union. Il-laqgħa saret fuq stedina tal-Malta Police Union fis-sede tagħha.

Waqt il-laqgħa Repubblika esprimiet il-gratitudni u l-apprezzament tagħha għall-ħidma tal-mijiet ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li b’tant sagrifiċji, dedikazzjoni u riskji ta’ kuljum jaħdmu b’riżq is-sigurtà u l-ġid tal-pubbliku.

Repubblika awgurat li l-iskandli li seħħew fil-Korp tal-Pulizija f’dawn l-ahhar snin ma jibqgħux itappnu x-xogħol ferm siewi tal-maġġoranza kbira tal-membri onesti u dedikati tal-Korp u rrimarkat li dan jista’ biss iseħħ billi min fit-tmexxija tal-Korp abbuża jitressaq quddiem il-ġustizzja bla tkaxkir tas-saqajn.

Fir-rigward tal-patteġġjament li sar il-ġimgħa l-oħra bejn l-Avukat Ġenerali Victoria Buttiġieġ u Darren Bebono fil-każ tas-serqa tal-HSBC, Repubblika esprimiet mill-ġdid ir-riżervi kbar tagħha dwar dan id-deal, partikolarment għaliex b’dik id-deċiżjoni il-ħajja tal-membri tal-korp donna ma ġiet tiswa xejn u ngħata daqqa ta’ ħarta l-moral tal-pulizija li jirriskjaw ħajjitom ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol.

Il-President ta’ Repubblika irrimarka li minn dak li qed jingħad lilu minn bosta membri tal-Korp, il-moral tal-pulizija jinsab baxx ħafna, kemm minħabba kif qed jitmexxa l-korp, kemm minħabba li l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-pulizija marru ferm lura u kif ukoll minħabba li l-maġġoranza tal-membri tal-korp huma konvinti li l-Korp mhux qed jimxi ma’ kulħadd bl-istess riga, b’mod speċjali billi għadu jistma lill-politiċi bħala persuni li ma jista’ għalihom ħadd. Fi kliem sempliċi, il-Korp jinsab fi kriżi serja ħafna – kriżi ta’ nuqqas ta’ kredibilità u kriżi ta’ amministrazzjoni ħażina.

Dr Aquilina ta garanzija li Repubblika determinata li tkun tarka għall-individwi kollha li fl-istituzzjonijiet pubbliċi rispettivi tagħhom – inkluż fil-Korp tal-Pulizija – jaqdu dmirhom b’lejaltà lejn il-poplu u lejn il-ġid komuni.

Waqt il-laqgha r-rapprezentanti ta’ Repubblika semghu b’attenzjoni t-thassib serju tal-Union dwar il-qaghda prezenti tal-membri tal-Korp tal-Pulizija.

Id-delegazzjoni ta’ Repubblika kienet immexxijja mill-President Dr Robert Aquilina u kienet tinkludi lis-Segretarja Ġenerali Sammi Davis u lill-Uffiċjal Esekuttiv Manuel Delia, filwaqt li f’isem il-Malta Police Union ħadu sehem fil-laqgħa l-President Alexander Schembri, il-Vici President Marlon Hili u s-Segretarju Neville Mercieca.