Repubblika tilqa’ l-inizjattiva tal-Oppożizzjoni fejn ressqet numru ta’ abbozzi ta’ liġi biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika li sabet il-Gvern Malti ħati għall-assasinju ta’ Daphne Caruna Galizia.

Mad-daqqa t’għajn, jidher li l-proposti tal-Oppożizzjoni jinkludi wkoll għadd ta’ proposti li Repubblika kienet ressqet quddiem l-inkjesta pubblika, partikolarment dawk maħsuba biex jindirizzaw ir-realtà tal-kriminalità organiżżata b’bixra mafjuża li żviluppat f’pajjiżna.  

Matul il-jiem li ġejjin, Repubblika se tkun qed tistudja dawn l-abbozzi u se tressaq suġġerimenti jekk tqis li jkun meħtieġa.

Ma nistgħux ma nesprimux il-preokupazzjoni kbira tagħna li jidher li hemm interessi fil-Gvern biex inessu il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u l-inkjesta li saret.  Sforzi bħal dawn huma biss tentattivi biex Daphne terġa’ tinqatel u biex il-korrott ikompli jirrenja.

Nittamaw li l-Gvern jibda immedjatament il-proċess biex il-liġijiet ta’ pajjiżna ikunu aġġornati fid-dawl tar-rapport tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.