L-Avukat Ġenerali għandha turi li bid-deċiżjonijiet tagħha mhi qed isservi ebda interessi oħra ħlief l-interessi tal-ġustizzja.

Repubblika tinnota dak li ġara fil-Qorti llum fejn wieħed minn żewġ persuni akkużati bis-serqa fil-kwartieri tal-HSBC fl-2010 daħal f’patteġġjament mal-prosekuzzjoni u ammetta ħtijietu biex issa hu kkundannat għas-sentenza miftiehma ta’ għaxar snin u sitt xhur priġunerija.

Id-deċiżjoni dwar patteġġjament ittieħdet mill-Avukat Ġenerali li użat il-poteri li ttiha l-liġi biex fil-każ ta’ wieħed mill-akkużati flok ġuri, ingħatat sentenza miftiehma.

Patteġġjament jista’ jingħata għal diversi raġunijiet. Waħda minn dawk ir-raġunijiet hi li l-prosekuzzjoni ma tkunx konvinta li tista’ tassigura verdett ta’ ħtija minn ġurija u allura sentenza sostanzjali li tikkontempla l-liġi. Iżda f’dan il-każ il-persuna li ammettiet illum, kienet feruta fuq il-post tad-delitt minn tiri sparati lejha mill-pulizija li kienet qed twieġeb għall-isparaturi tal-ħallelin.

Ma jidhirx li kellu jkun hemm diffikultà allura għall-prosekuzzjoni li tipprova li l-persuna li llum ammettiet ħtijietha wettqet dan ir-reat.

B’dan il-patteġġjament l-Avukat Ġenerali issagrifikat il-possibiltà tas-sentenza massima kkontemplata fil-liġi għal reat serju ħafna: serqa armata u sparatura fuq il-pulizija li wasslet għall-feriment u li ġabet qrib il-mewt xi ħadd li kien qed iwettaq dmiru.

Il-liġi taħseb għal kastigi serji f’dawn il-każi għax trid li jkun hemm deterrent serju għal min jaħseb li jista’ jeħlisha ħafif jekk juża l-armi biex jisraq jew biex jispara fuq, iferi jew joqtol lill-pulizija li jipprovaw iwaqqfuh.

L-Avukat Ġenerali għandha tagħti lill-pubblika spjegazzjoni b’raġunijiet validi għal dan is-sagriffiċċju li għamlet. Għax għalkemm il-patteġġjamenti huma sostitut permessibbli mil-liġi għall-ġurijiet, l-obbligu li l-ġustizzja tkun tidher li qed issir ma jogħsforx.

Dan hu aggravat mill-fatt li dan il-każ partikolari tefa’ dell ikrah fuq Ministru tal-gvern, Carmelo Abela, u ex-Ministru tal-gvern, Chris Cardona. L-Avukat Ġenerali għandha tassigura lill-pubbliku li dan il-patteġġjament se jsarraf f’aktar evidenza dwar dak li ġara dak inhar tas-serqa, u mhux jintuża biex jinħbew provi jew jiskreditaw xhieda li jimplikaw persuni li huma jew kienu fil-politika.

L-indipendenza tal-Avukat Ġenerali qegħda hemm biex tassigura li l-politiċi u l-kriminali ma jinfluwenzawx il-proċess ġudizzjarju biex jaħarbu l-ġustizzja. L-indipendenza iżda tfisser responsabbiltà u kontabilità.