Repubblika tilqa’ b’apprezzament id-diskors inawgurali tal-President Myriam Spiteri Debono li jirrifletti t-tamiet tagħha u tagħna għall-presidenza tagħha.
Napprezzaw tassew li l-President appellat biex tibda tiddewwa l-ġerħa miftuħa tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kif qalet il-President għad trid isseħħ l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-inkjesta pubblika fil-qtil tagħha li issa ilha konkluża qrib it-tlett snin.
Napprezzaw daqstant il-kummenti tal-President fuq il-ħtieġa ta’ riformi biex tkun protetta l-espressjoni ħielsa u tal-ġurnaliżmu. Il-wegħda li għamel il-gvern ta’ White Paper b’riformi biex jipproteġu l-ġurnalisti għada ma nżammitx.
Repubblika tapprezza wkoll il-ħsieb tal-President Spiteri Debono li jġedded l-ambizzjoni għal diskussjoni dwar tibdil kostituzzjonali. Fl-istess waqt intennu l-appoġġ tagħna għall-valuri li semmiet il-President bħal per eżempju l-użu ta’ għodod kostituzzjonali li jġiegħlu lill-partiti politiċi jfittxu konsensus fid-deċiżjonijiet tagħhom. Infakkru li riċentement il-gvern neħħa l-obbligu taż-żewġ terzi biex jinħatar Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. Bħall-President jidhrilna li r-regola ta’ żewġ terzi f’ċerti ċirkostanzi mhix ostaklu imma għodda għal governanza aħjar.
Dwar tibdil kostituzzjonali nilqgħu ukoll l-osservazzjonijiet tal-President Spiteri Debono dwar il-ħtieġa ta’ emendi kostituzzjonali biex jitneħħa l-iżvantaġġ għal min jivvota lil kandidati li ma jappartjenux għal xi wieħed miż-żewġ partit politiċi diġà fil-Parlament. Kif spjegana fil-proposti tagħna għal riformi Parlamentari, Malta teħtieġ Parlament li tassew jirrappreżenta lill-Maltin u l-Għawdxin waqt li jgħasses sew fuq il-gvern tagħhom.
Intennu l-apprezzament tagħna wkoll għar-rimarki tal-President dwar l-inklużjoni ta’ persuni li ma twieldux Malta imma għamlu Malta darhom. Intennu l-appell li għamilna fil-konsultazzoni li għamel il-gvern għal politika konta r-razziżmu biex ħutna li jgħixu magħna ma jibqgħux jitqiesu bħala suġġetti tal-esplojtazzjoni tagħna imma bħala ħutna Maltin. Għadna qed nistennew lill-gvern jimplimenta politika kontra r-razziżmu u l-mibgħeda ta’ dawk meqjusa bħala barranin.
Repubblika ttenni li se tkun ta’ appoġġ għall-President Myriam Spiteri Debono fir-realizzazzjoni tal-viżjoni li spjegat fid-diskors inawgurali tagħha llum.