ls-Sinj. Norma Saliba
Editur
Television Malta
Gwardamanġa

25 ta’ Frar 2021

Sinjura Editur,

Qed nikteb din l-ittra biex nitlob spjegazzjoni dwar il-fatt li l-PBS ilbieraħ naqas milli jxandar news item dwar il-protesta ta’ Repubblika fil-Belt Valletta fejn intalbet ir-riżenja tas-segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.

Repubblika bgħatet stqarrija lill-mezzi tax-xandir kollha, inkluż lil Television Malta, bit-test tad-diskors magħmul minni waqt il-protesta u ritratt tal-folla. Barraminnhekk il-video tal-protesta kien u għadu disponibbli fuq il-facebook page ta’ Repubblika u fuq bosta online portals ta’ gazzetti. Huwa tassew sinjifikanti wkoll li l-aħbar tal-protesta ġiet rappurtata estensivament mill-ġurnali lokali, anke minn dawk li ma kienux fuq il-post waqt il-protesta.

TVM sab ħin, fost ħwejjeġ oħra għal aħbarijiet li smajna dwarhom qabel u li jistgħu jammontaw għal repetition of news li ma seħħewx il-bieraħ (bħal kwistjoni tal-immigrazzjoni) jew ‘aħbarijiet’ li għad irid iseħħu, bħal taħdidiet fil-futur, u ftuħ ta’ konsolat fil-Libja li għad irid iseħħ.

Kien hemm ukoll ‘news item’ li l-Awtorità ma laqgħatx ilment tal-Partit Nazzjonalista, meta din ma kellha l-ebda valur t’aħbar. Jiġifieri kieku ried, il-PBS kellu ħin isib minuta biex jagħmel servizz dwar il-protesta tagħna.

Il-Ħtiġijiet dwar Standards u Prattika li Japplikaw għal Bullettini tal-Aħbarijiet u l-programmi ta’ Ġrajjiet Kurrenti jitkellmu ċar dwar x’inhi aħbar u kif din għandha tkun ittrattata.

Protesta mis-soċjetà ċivili dwar materja ta’ kontroversja pubblika ma setgħetx tiġi njorata kif ġiet injorata mill-PBS.

Hu ċar li l-PBS qed jaġixxi bħala gatekeeper għall-gvern u qed jagħżel in-news items biex jaġevola lill-Gvern.

Għalhekk qed nitlob rimedju.

Tislijiet

Dr Robert Aquilina
President