Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com qed isejħu protesta għal nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Marzu 2021 fil-17:00, quddiem il-bini tal-Parlament, biex iġeddu s-sejħa tagħhom għal ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, ma’ familtha u mal-pajjiż kollu.

Aħna tassew irrabjati naraw lill-Prim Ministru Robert Abela jgħaġġel biex jagħlaq dan il-każ li għadu miftuħ billi juża l-ammissjoni ta’ wieħed mill-assassini li qatlu lil Daphne bħala xi prova li l-Istat wettaq dmiru.

Din l-awto-kongratulazzjoni, li mhi ġustifikabbli bl-ebda mod, qed tintuża biex tgħammad pajjiż u tnessih l-impunità li għadhom igawdu l-politiċi għall-korruzzjoni li wettqu u li gawdew mill-qtil ta’ ġurnalista li kienet assassinata għax kixfithom.

Il-gvern għadu jinsisti, kif ilu jagħmel minn dakinhar tal-qtil, li kollox jista’ jieqaf meta jinqabdu l-assassini. Iżda l-konfoffa biex tinqatel Daphne saret għall-profitt tal-qarnita mafjuża li ħatfet lill-pajjiżna.

Għad ma sar xejn dwar il-kuntratt tal-Electrogas. Is-sidien għadhom jagħmlu l-flus minn dan il-kuntratt mimli bil-korruzzjoni u mċappas bid-demm. Id-Deputati tal-gvern qed iżommu milli ssir inkjesta dwar dan biex jiġu stabbiliti l-fatti.

Għad ma sar xejn wara li ilna 5 snin nafu li Keith Schembri u Konrad Mizzi fetħu kumpaniji fil-Panama biex jinxtraw minn Yorgen Fenech għal 5000 ewro kuljum.

Għad ma sar xejn dwar l-ixkiel li sar biex tiġi evitata l-ġustizzja mal-qattiela.

Ma ttieħdet ebda azzjoni dwar il-fatt li:
Joseph Muscat kellu relazzjoni ma’ Yorgen Fenech meta kien jaf li kien suspettat li qatel lil Daphne Caruana Galizia;
ftit wara l-qtil ta’ Daphne, Joseph Muscat fetaħ chat ma’ Yorgen Fenech u Keith Schembri;
Joseph Muscat ried ikellem lit-tnejn privatament anke wara li sar magħruf li Yorgen Fenech kien sid 17 Black;
Keith Schembri qatta’ ħin twil għand Joseph Muscat lejlet l-arrest tiegħu u ftit ħin wara għeb misterjożament it-telefon taċ-chief of staff tal-prim ministru u baqa’ ma nstab qatt;
ftit sigħat qabel Yorgen Fenech kien arrestat, Keith Schembri qatta ħin twil fuq it-telefon miegħu.

Ma ttieħdet ebda azzjoni dwar dak li qal ix-xhud tal-Istat:
li l-aħwa Degiorgio kienu avżati dwar l-arrest tagħhom 50 jum wara l-qtil ta’ Daphne b’informazzjoni minn Keith Schembri;
li Kenneth Camilleri “ta’ Kastilja” innegozja miegħu is-silenzju u l-ħelsien tal-aħwa Degiorgio;
li Lawrence Cutajar, minn wara dar il-pulizija li jaħdmu taħtu, indaħal biex jaħtaf l-evidenza kontra l-akkużat ewlieni.

Ma ttieħdet ebda azzjoni dwar l-attentat ta’ Keith Schembri, bl-għajnuna ta’ Adrian Vella biex jipperswadi lil Yorgen Fenech iweħħel fi Chris Cardona għall-qtil.

U sa din il-ġimgħa stess il-prim ministru pprova jiċħad il-fatt li żewġ xhieda tal-Istat – mhux wieħed, imma tnejn – qalu lill-Pulizija li Chris Cardona imdaħħal fil-qtil ta’ Daphne wkoll.

Ftit snin ħabs għal wieħed mill-qattiela mhix ġustizzja għal mara maqtula minħabba s-servizz tagħha lil Malta. U lanqas hu bidu biex tfieq il-ġerħa li saret lill-pajjiżna. Lanqas ifisser li l-istituzzjonijiet qed jaħdmu.

Kien Robert Abela li pprova jagħlaq qabel żmienha l-inkjesta pubblika dwar fejn falla u qed ifalli l-Istat. Fortunatament ma rnexxilux.

Wasalna fejn wasalna bl-isforz kostanti ta’ soċjetà ċivili determinata li jerbaħ is-sewwa u bl-impenn ta’ ġurnalisti li tinkixef il-verità. Sal-lum il-pandemija żammitna fi djarna iżda naqraw li l-Pulizija iddeċidiet li tippermetti protesti pubbliċi.

Hu għalhekk li naħtfu l-ewwel okkażjoni u nhar it-Tnejn niltaqgħu quddiem il-Parlament biex infakkru lid-Deputati d-determinazzjoni tagħna li niġġieldu l-qarnita li ħatfet lil Malta.

Dawk li jwieġbu għal din is-sejħa huma mitluba jieħdu l-prekawzjonijiet kontra t-tixrid tal-covid u jżommu d-distanza.