Repubblika tinnota b’sodisfazzjon li fuq ordni tal-maġistrat inkwirenti sar tiftix għall-evidenza fir-residenza ta’ Joseph Muscat. Din it-tfittxija saret bħala parti mill-inkjesta li talbet Repubblika fl-2018. Ftit ġranet ilu staqsejna fejn waslet din l-inkjesta dwar korruzzjoni fil-kuntratt tal-isptarijiet u hu tajjeb li ninnotaw il-progress.

Tajjeb li l-istituzzjonijiet ma jibżgħux mill-poter politiku meta hemm suspetti serji ta’ korruzzjoni. Nagħtu l-appoġġ tagħna lill-maġistrat inkwirenti u lill-pulizija fix-xogħol siewi tagħhom.

Imħassbin ninnutaw li Joseph Muscat apertament jammeti li kellu pre-avviż ta’ dan it-tiftix. Ma niskantawx li għad għandu alleati korrotti fl-istituzzjonijiet li jgħinuh jaħrab il-ġustizzja.

Minkejja dan fiduċjużi li fl-aħħar Joseph Muscat u sħabu għad iħallsu t’għemilhom. Repubblika se tibqa’ tinsisti li l-istituzzjonijiet jagħmlu xogħolhom u ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, mal-istejjer tagħha, u ma’ Malta kollha.