Lid-Deputati Parlamentari
Il-Kamra tar-Rappreżentanti
Il-Parlament ta’ Malta
Il-Belt Valletta
24 ta’ Jannar, 2021

Deputat,

DWAR: LIĠI KONTRA L-MAFJA

Niktbulek biex nappellawlek biex ma int tkunx għodda f’idejn il-mafja.

Għandek quddiemek abbozz ta’ liġi biex l-assoċjazzjoni mafjuża tkun definita u kriminalizzata. Dan l-abbozz, ġaladarba jkun adottat mill-Parlament, iwettaq rakkomandazzjoni tal-Inkjesta Daphne Caruana Galizia li qalet li hemm “bżonn li jiġi introdott reat simili għall-artikolu 416 bis tal-Kodiċi Kriminali Taljan li jikkontempla r-reat ta’ ‘di associazione di stampo mafioso’.”1 (Paġna 424).

Bħala għaqda li naħdmu favur is-saltna tad-dritt, innutajna b’sodisfazzjoni din ir-rakkomandazzjoni. Ara Anness is-sottomissjoni li ressaqna quddiem l-Inkjesta dwar din it-tema.2 (Paġni 27-28).

Aħna ħsibna li l-Parlament Malti kien se jagħmel dan l-iżvilupp tant meħtieġ fil-liġijiet tagħna peress li l-Prim Ministru Robert Abela kemm-il darba qal li jrid jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta wara li dina kienet konkluża. Aħna perplessi għall-aħħar b’dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela l-bieraħ li ma jaqbilx ma’ dan l-abbozz għax ikun ifisser rikkonoxximent li Malta hi Stat Mafjuż. Dan hu argument assurd li jġib fix-xejn l-iskop ta’ kull liġi penali. Ir-rikonoxximent li Malta hi Stat Mafjuż ma jiddependendix minn jekk għandniex liġi biex niġġildulha. Malta għandha liġijiet biex tikkastiga l-ġenoċidju u r-reati kontra l-umanità. Anke jekk wieħed jiddubita jekk dawn ir-reati għadx qatt jitwettqu f’Malta, ħadd s’issa ma kkontesta l-bżonn li l-liġi Maltija tgħid li jekk xi ħadd iwettaqhom hemm liġi li taħseb għal kastig għalihom.

Liġi li tikkastiga att ma toħloqx dak l-att. Is-serq ma jeżistix għax hemm liġi li tipprojbixxi s-serq. Bl-istess mod il-mafja ma tistenniex li jkun hemm liġi li tikkastiga l-isħubija fiha biex twettaq ir-reati tagħha. Anzi, bil-kontra, sakemm m’hemmx liġi li twaqqafha, il-mafja timraħ aktar.

Barra minhekk, ninnuttaw li l-kriminalità fostna saret aktar sofistakata. Ninnutaw li qed tkun kriminalità aktar organiżżata, ippjanata u b’aċċess għal riżorsi internazzjonali u l-involviment ta’ persuni li infiltraw l-amministrazzjoni pubblika u l-bqija tal-Istat. Ma jistax ikun li niġġieldu din il-kriminalità b’għodda limitata u mhux adattata.

Il-Prim Ministru jagħmel ħażin li jiċħad l-infiltrazzjoni mafjuża f’Malta. Imma anke jekk irid jagħmel hekk m’għandux għalfejn joġġezzjona li meta u jekk l-istituzzjonijiet indipendenti minnu jistabilixxu li għandna l-mafja jkollhom l-għodda legali biex jiġġieldulha u jeqirduha.

Il-verità hi li l-mafja teżisti u qegħda fostna. Naraw is-swaba’ tagħha mill-provi miġjuba mill-prosekutur kontra dawk akkużati li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Nifhmu aktar meta naraw fid-dominju pubbliku l-provi kontra dawk li gawdew minn dan il-qtil u għadhom ma ffaċċjaw l-ebda ġustizzja.

L-akbar għodda biex il-mafja tistgħana hi li tikkonvinċina li ma teżistix. Kliem il-Prim Ministru jammontaw għall-omertà, jiġifieri kompliċità fl-isforz mafjuż biex il-mafja tibqa’ moħbija u min hu fiha jibqa’ jagħmel qliegħ mir-reati tagħha bl-għajnuna tal-kompliċi tagħha fl-Istat.

Il-pajjiżi li għandhom liġijiet kontra l-mafja mhumiex stati mafjużi. Stat mafjuż ma jsirx għax ikun hemm il-mafja; isir Stat mafjuż għax ikun maħkum mill-mafja, inkluż billi ma jagħmel xejn ħalli jiġġildilha.

Din il-ġimgħa stess il-Prim Ministru ħa pożizzjoni favur ta’ persuna suspettata li wettqet reati serji u kontra l-maġistrat u l-pulizija li fil-qadi ta’ dmirijiethom fittxew il-provi f’darha fir-rispett kollu tal-liġi. Il-linja li ħa l-Prim Ministru ġġedded l-attitudni tal-predeċessur tiegħu li juża l-qawwa tal-Istat biex jiggarantixxi l-impunità għall-kriminali minflok ifittixhom biex jassigura s-saltna tad-dritt.

Ma naħsbux li hija kumbinazzjoni li l-persuna suspettata li qabeż għaliha l-Prim Ministru hi l-istess predeċessur li nstab mill-Inkjesta responsabbli għall-impunità li qatlet lil Daphne Caruana Galizia. L-Istat Malti diġà nstab responsabbli li biex jipproteġi lill-mafjużi, ħoloq il-klima ta’ impunità li ġiet sfruttata biex inqatlet ġurnalista b’metodu mafjuż.

Tagħmel x’tagħmel int bil-vot quddiemek dwar abbozz ta’ liġi kontra l-mafja ma tistax tħassar il-fatt li hawn min irid li l-mafja tikkontrolla lill-Istat Malti. Iżda bil-vot tiegħek biex tapprova din il-liġi tista’ tagħti lill-istituzzjonijiet u lil min b’kuxjenza u b’sens tas-sewwa li jaħdem fihom jibda jiġġieled l-impunità tal-mafja u tal-mafjużi u jagħmel minn Malta pajjiż ħieles minnha u minnhom.

Aħna nistgħu biss nippruvaw nipperswaduk. Int u sħabek biss għandkom il-mandat li tagħmlu liġijiet li għandu bżonn pajjiżna; ir-responsabbiltà li tilleġiżla biex tiġġieled lill-kriminali minflok tipproteġihom hi fuq spaltejk.

L-għażla tiegħek hi bejn li tiġġieled lill-mafja jew li tgħinha.

Id-dmir tiegħek hu li tarma lill-Qrati, lill-prosekuturi u lill-pulizija bil-liġijiet li għandhom bżonn biex jegħlbu t-theddida tal-kriminalità organizzata spiss wisq mhejjuna minn nies bil-poter tal-Istat f’idejhom.

Nittamaw li ma tisseħħibx fl-omertà li qed ikebbes il-Prim Ministru.

Bir-rispett,

Robert Aquilina
President

Kopja: Il-President ta’ Malta Il-Prim Imħallef L-Avukat Ġenerali Il-Kummissarju tal-Pulizija

Anness 1

Estratt mis-Sottomissjonijiet ta’ Repubblika lill-Inkjesta Daphne Caruana Galizia

7.1. Leġislazzjoni kontra l-Mafja

Argumentajna li Il-pajjiżi li għandhom leġiżlazzjoni kontra l-mafja (bħad-dispożizzjoni Taljana 416bis fil-kodiċi kriminali ta’ dak il-pajjiż u l-hekk imsejjaħ “Racketeer Influenced and Corrupt Organisations Act” fl-Istati Uniti), jiddefinixxu organizzazzjoni tat-tip tal-mafja bħala organizzazzjoni li l-membri tagħha jużaw is-setgħa tal-intimidazzjoni minn rabtiet ta’ sħubija, l-istat ta’ ħakma, u kultura ta’ segretezzi li din trawwem, biex jitwettaq reat, biex jinkisbu kontroll dirett jew indirett fuq attivitajiet ekonomiċi, liċenzji, awtorizzazzjonijiet, kuntratti tal-akkwist pubbliku jew servizzi, jew biex jinkisbu qligħ jew vantaġġi għalihom jew għal ħaddieħor, jew biex jiġi evitat jew jitfixkel l-eżerċizzju liberu tal-vot, jew biex jinkisbu voti għalihom jew għal ħaddieħor fl-elezzjonijiet.

Is-sħubija f’organizzazzjoni bħal din hija minnha nnifisha reat punibbli anke jekk ma tkunx tista’ tinkiseb rabta diretta bejn persuna mafjuża u l-eżekuzzjoni ta’ xi reat imwettaq mill-mafjużi f’isem l-organizzazzjoni. Il-penali jiġu aggravati jekk jinstab li l-membri tal-organizzazzjoni għandhom aċċess għal armi jew splussiv bil-għan li jmexxu ’l quddiem l-għanijiet tal-organizzazzjoni In-nuqqas tal-possibbiltà legali li jiġu segwiti membri komponenti ta’ organizzazzjoni kriminali organizzata li s-sħubija u l-assoċjazzjoni tagħhom tista’ tiġi ppruvata, anke jekk l-involviment dirett tagħhom fl-ikkummissjonar jew fl-eżekuzzjoni ta’ reat speċifiku mwettaq f’isem dik l-organizzazzjoni ma jistax jiġi ppruvat, jirriskja li l-persuni li bir-raġun kollu għandhom jinżammu responsabbli għal dak li ġara lil Daphne Caruana Galizia, ikunu jistgħu jeħilsuha ħafif.

M’hemmx dubju li d-delitt – li temm ħajjet Daphne Caruana Galizia – hu att kriminali mill-aktar gravi li jeżiġi l-aktar konsegwenza gravi. Iżda l-qtil ma jistax jinfired mill-akkwist pubbliku korrott, mill-ħasil tal-flus, mit-tixħim u mill-manipulazzjoni tal-voti li wasslu għall-qtil ta’ Daphne talli kixfet. Daphne nqatlet biex l-attivitajiet l-oħra ta’ din l-organizzazzjoni jibqgħu għaddejjin mingħajr xkiel. Minbarra l-persuni li bil-provi kienu involuti direttament fil-qtil ta’ Daphne, il-konsegwenzi u l-kastig għandhom ibatuhom ukoll dawk kollha li l-qligħ illeċitu u l-influwenza elettorali tagħhom kienu protetti bil-qtil tagħha.

Jekk il-prosekuzzjoni fil-konfront ta’ din il-xibka kriminali organizzata tissejjes fuq elementi u manifestazzjonijiet limitati tal-azzjoni tal-mafja, mingħajr ma titqies l-eżistenza tal-mafja minnha nnifsha, l-istess xibka tkun qed titħalla attiva relattivament mingħajr konsegwenzi.

Sakemm il-liġijiet ta’ pajjiżna jibqgħu jiċħdu l-eżistenza tal-mafja u ma jirrikonoxxux li s-sempliċi eżistenza tagħha hi theddida għall-vijabbiltà tal-Istat Malti stess, qatt mhu se jirnexxilna nindirizzaw ix-xibka vjolenti li ħakmet lil pajjiżna.

Din mhix dwar persuna li qatlet ġurnalista għax kienet waslet biex tesponi s-sigrieti tagħha. Jew minflok, din mhix sempliċiment dwar hekk. Din tikkonċerna organizzazzjoni li timmanipula r-relazzjoni bejn l-interessi privati u s-settur pubbliku, b’mod sistematiku u sigriet, għall-gwadann tagħha.


1 https://www.gov.mt/en/Government/DOI/Press%20Releases/Documents/pr211432a.pdf
2 https://repubblika.org/mt/sottomissjonijiet-inkjesta-pubblika-dwar-assassinju-daphne-caruana-galizia/