Ir-rapport tal-inkjesta indipendenti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jikkonferma li:

  1. L-Istat għandu jerfa’ r-responsabiltà għall-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
  2. Kien hemm kultura estiża ta’ impunità għall-uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni pubblika, għall-persons of trust u għal ċirku ristrett ta’ politiċi, negożjanti u kriminali.
  3. Persuni f’entitajiet tal-Istat attivament u direttament aġixxew b’mod li serjament preġudika d-dritt ta’ Daphne Caruana Galizia li taħdem b’mod liberu u sikur.
  4. Il-falliment tal-istituzzjonijiet bħall-Pulizija li jinvestigaw allegazzjonijiet serji ta’ ksur ta’ liġi hu ċensurabbli.
  5. Il-pjan ta’ iżolament kontra Daphne Caruana Galizia kien ċentralment organizzat mill-uffiċċju tal-Prim Ministru.
  6. L-Istat kien ultimament responsabbli għall-ambjent li ffavorixxa t-twettieq tad-delitt.
  7. Il-membri tal-Kabinett għandhom responsabbiltà kollettiva li naqsu li jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa wara l-Panama Papers u r-rivelazzjonijiet dwar 17 Black.
  8. Id-deċiżjonijiet ta’ Joseph Muscat saħħew il-kultura ta’ impunità li fiha kienu jaġixxu l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta’ intriċċi bejn amministraturi politiċi u negozjanti kbar li dwarhom kitbet Daphne Caruana Galizia.

Hu għalhekk li issa l-gvern, il-ministri tal-gvern, u l-uffiċjali u persons of trust li dwarhom intlaħqu dawn il-konklużjonijiet għandhom minnufih jerfgħu r-responsabbiltà li attribitilhom l-inkjesta.

  1. L-Istat għandu formalment jitlob skuża u joffri riżarċiment lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia għat-telfa li ġiegħlhom iġarrbu.
  2. Il-Membri tal-Kabinett għandhom jirreżenjaw minnufih u minflokhom ikun iffurmat gvern li jeskludi lil kull min hu responsabbli għall-ħtijiet li sabet l-inkjesta.
  3. Il-Partit Laburista għandu jara li ma jippreżenta ebda persuna li kienet Ministru jew uffiċjal pubbliku jew person of trust u li kien responsabbli għall-egħmil identifikat fir-rapport tal-inkjesta għal xi kandidatura f’xi elezzjoni futura.
  4. Il-Partit Laburista għandu minnufih ikeċċi mill-Partit Laburista lil Joseph Muscat.
  5. L-istituzzjonijiet jaġixxu immedjatament biex iwettqu l-prosekuzzjonijiet li l-inkjesta iddeterminat li misshom ilhom li saru.
  6. Jitwaqqaf Kumitat inter-istituzzjonali bis-sehem tas-soċjetà ċivili biex jiddiskuti fi-detall u jara li jiġu adottati r-riformi proposti mir-rapport tal-inkjesta.
  7. Li safejn dan jista’ jsir dawn ir-riformi jsiru qabel l-elezzjoni ġenerali li jmiss u li l-elezzjoni ġenerali ssir biss meta jkun intlaħaq kull progress li jista’ jintlaħaq fil-leġiżlatura preżenti fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-riformi.

Se niltaqgħu llejla fil-Belt Valletta biex apertament nagħmlu t-talbiet tagħna.