Il-Parlament qed ikompli jogħdos fl-impunità. Repubblika trid tattendi l-Parlament għad-diskussjoni dwar l-inkjesta fil-qti ta’ Daphne Caruana Galizia.

Bl-għajnuna tal-Ispeaker, il-Parlament Malti qed ikompli jiżviluppa l-ħila straordinarja tiegħu biex ikun strument ta’ impunità mill-aqwa.

Repubblika tikkundanna l-aġir tal-Ispeaker u l-Membri tal-Gvern fil-Kumitat li suppost iħares u jippromwovi l-istandards fil-ħajja pubblika.

Fil-waqt li l-Ispeaker qal li jrid ikompli jinvestiga dwar l-imġieba tal-Membru Parlamentari Rosianne Cutajar fil-konfront ta’ Yorgen Fenech li jinsab akkużat fil-Qorti bil-qtil ta’ Daphne Caruna Galizia, illum qal li din l-invetigazzjoni m’għandhiex tinkludi nies li kienu direttament involuti f’dak li għadda bejn Cutajar u Fenech.

Dan huwa aġir tal-mistħija u jibgħat il-messaġġ li min hu b’saħħtu se jsib il-kenn fil-Parlament Malti.

Dan huwa aġir skandaluż ta’ Parlament li għada ser jitlaqqa’ biex jiddiskuti r-rapport tal-inkjesta pubblika dwar is-sehem tal-istat fil-qtil ta’ Daphne Caruna Galizia.

Nafu kemm il-Gvern ħadem biex din l-inkjesta ma ssirx u kif saħansitra l-Prim Ministru Robert Abela irridikola lill-familja għax insistiet għal din l-inkjesta.

Repubblika se tanaliżża r-rapport tal-inkjesta u qed titlob li tattendi l-Parlament meta din l-inkjesta tkun qed tiġi diskussa.