31 ta’ Lulju 2021
Il-President
Il-Partit Laburista
Triq Mile End
Il-Ħamrun

Sinjura President,

Qiegħed niktiblek dwar ir-rapport tal-inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li kien ippubblikat jumejn ilu mill-Prim Ministru.

Kif jaf il-poplu Malti u Għawdxi kollu, u kif jaf kull min fid-dinja għandu interess f’pajjiżna, din l-inkjesta kkonkludiet li l-Istat Malti huwa responsabbli għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

B’mod iktar speċifiku, l-inkjesta sabet lill-membri tal-Kabinett tal-Ministri mmexxi mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat – li kollha kemm huma ġew eletti f’isem il-Partit Laburista – responsabbli li b’għemilhom ħolqu fil-pajjiż atmosfera ta’ impunità li, fi kliem ir-rapport‘ straħu fuqha l-elementi ta’ kriminalita’ organizzata’ u ‘ċertament iffaċilitat l-assassinju’.

Minbarra dan, l-inkjesta sabet ukoll relazzjoni mhux xierqa bejn nies fil-politika, negozjanti kbar u kriminali vjolenti li dwarhom kitbet u investigat Daphne Caruana Galizia.

Aħna, u bħalna kull min irid lil pajjiżna jibda miexi fit-triq tal-fejqan, neżiġu li mingħajr telf ta’ żmien il-Partit Laburista jerfa’ l-piż tar-responsabbiltà, iwarrab l-interessi partiġġjani, u tassew jibda jpoġġi lil Malta l-ewwel u qabel kollox billi jieħu dawk l-azzjonijiet li huwa ovvju li għandhom jittieħdu.

L-ewwel nett, il-Partit Laburista għandu minnufih jibda proċeduri fi ħdanu biex l-eks Mexxej Joseph Muscat jitkeċċa mill-partit. Infakkrek li Joseph Muscat instab personalment responsabbli li kien fiċ-ċentru tat-tnawwir, tat-tgħajjir, tal-gideb u tal-ħolqien tal-ambjent ta’ impunità li fihom seta’ jseħħ l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Huwa biss b’din l-azzjoni li l-Partit Laburista jista’ jibda jiċħad il-passat ta’ għajb li wassal għall-qtil ta’ omm, ikkawża trawma għal pajjiżna u żeblaħ lil din artna mal-erbat irjieħ taddinja. Il-gravità ta’ dak li seħħ minħabba Joseph Muscat hija bla preċedent fl-istorja tad-demokrazija tagħna.

Il-Partit Laburista, bħala l-ikbar partit fil-pajjiż, għandu obbligu li jibgħat messaġġ qawwi biex imġiba bħal ta’ Muscat u ta’ dawk li tkellmet fuqhom l-inkjesta ma jirrepetu ruħhom qatt fil-kurituri tal-poter ta’ pajjiżna.

Il-ġejjieni – il-pajjiż li fih se jgħixu uliedna u ulied uliedna – jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li se jittieħdu f’dawn il-ġranet. Ma jistax ikun li nibdew mixja ġdida jekk fuq quddiem jibqgħu dawk il-Ministri, Deputati, uffiċjali, u nies ta’ fiduċja li fir-rapport tal-inkjesta ġew identifikati bħala kontributuri għall-impunità tal-kriminali.

Post dawn il-persuni mhuwiex u m’għandux ikun fil-politika. Ir-responsabbiltà li għabbiethom biha l-inkjesta jeħtieġ iġorruha huma u jeħtieġ tinġarr anke mill-Partit Laburista.

Dawn il-Ministri u uffiċjali qegħdin fejn qegħdin bil-barka u bl-appoġġ tal-Partit Laburista. Aħna neżiġu li l-Partit Laburista jirtiralhom din il-barka u dan l-appoġġ. Aħna neżiġu li lPartit Laburista jiċħadhom u jimpenja ruħu li ma jippreżentahomx bħala kandidati f’xi elezzjoni futura, għall-ebda kariga pubblika.

Dawn huma nies li bid-deċiżjonijiet tagħhom tradew il-fiduċja tal-membri tal-Partit Laburista u tal-elettorat Malti. Jekk tassew irridu futur imdawwal għal pajjiżna ma nistgħux inħallu attiv fil-politika lil min, meta ngħata r-responsabbiltà, daħħalna fl-isqaqien l-iktar mudlama.

Pajjiżna għandu bżonn li l-Partit Laburista jibda din il-mixja mill-aktar fis. Pajjiżna jeħtieġ li l-partit li ppreżentalna lin-nies li ġabulna l-għajb u l-waħx, juri bil-fatti li nistgħu, ilkoll, nagħmlu u nkunu aħjar. Pajjiżna għandu bżonn partiti li jipprattikaw demokrazija li ma tistrieħx biss fuq il-popolarità, imma tfittex, issostni u tinkoraġixxi l-integrità, l-onestà, ilkontabbiltà, ir-rispett lejn il-liġi, u r-responsabbiltà.

Pajjiżna jeħtieġ ikun tassew tagħna lkoll u mhux tal-qarnita mafjuża magħmula minn politiċi u negozjanti korrotti, kriminali u qattiela. M’għandix dubju li tiftakar min kien wiegħed li Malta se tkun ‘tagħna lkoll’. Inħeġġuk tibda t-triq biex din il-wegħda tibda titwettaq.

Aħna se nistennew mingħandek u se nibqgħu inwasslu l-messaġġ li ktibnielek illum b’kemm għandna leħen.

Nikkonfermawlek ukoll li aħna disponibbli biex niddjalogaw miegħek u ma’ kull min fil-Partit Laburista juri rieda biex tibda l-vera trasformazzjoni pożittiva ta’ pajjiżna.

Inselli għalik,

Dr Robert Aquilina
President