Huwa skandaluż li ftit wara li l-Istat u l-Kabinett jinstabu responsabbli għall-qtil brutali ta’ ġurnalista, issa għandna ġurnalista li jkollu jwaqqaf programm minħabba l-indħil f’xogħolu mill-istazzjon nazzjonali.

Repubblika tqis li dan huwa fatt gravi ħafna.  Il-fatt li l-indħil lill-ġurnalista Mark Laurence Zammit qed isir mill-istazzjon nazzjonali ifisser li dan huwa abbuż ferm aktar gravi.  L-istazzjon mħallas mit-taxxi u li suppost huwa imparzjali u mhux strument tal-Gvern biex jaħbi l-ħmieġ tiegħu.

Aħna nistqarru li m’għandniex fiduċja fil-Ministru Karmenu Abela li suppost huwa responsabbli mix-xandir nazzjonali.  Il-Ministru Abela ma kellux il-ħila jerfa’ r-responsabbiltà ta’ għemilu meta nstab ħati ta’ imġieba mhux xierqa mill-Kummissarju għall-Istandards.  Aħseb w’ara kemm għandu saħħa morali biex jesiġi li x-xandir nazzjonali iwettaq dmiru.

Repubblika tistqarr li l-Prim Ministru għandu d-dmir li jinvestiga dan l-indħil u jiddixiplina lil min hu responsabbli.  Għandu l-obbligu li jinforma lill-poplu Malti b’dak li sab u bil-passi li ħa.  

Ma jistax ikun li pajjiżna jibqa’ jogħdos f’dawn l-abbużi u ħadd ma jġorr ir-responsabbilità.  

Jekk Il-Prim Minstru Robert Abela ma jagħmel xejn, ifisser li Dr Abelaq ħa fuqu ir-responsabbiltà tal-abbuż imwettaq.

Repubblika tiddikjara li mhux se tieqaf taħdem favur l-imġieba xierqa mill-uffiċjali tal-Istat Malti, tiddefendi l-ġurnaliżmu ħieles u kontra l-impunità li hija mifruxa ma’ kullimkien.