Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat tas-Saltna tad-Dritt f’Malta juri li l-gvern hu kapaċi ferm jiftaħar bir-riformi li jagħmel imma r-riżultati juru li l-affarijiet sejrin lura flok ‘il quddiem.

Il-Kummissjoni sabet li s-sistema ġudizzjarja Maltija hi anqas effiċjenti milli qatt kienet u sejra lura. Għadu ta’ tħassib kif il-ġudikanti f’Malta m’għandhomx ir-riżorsi biex jagħmlu xogħolhom. Il-gvern ippospona l-problema tan-nuqqas t’indipendenza tat-tribunali amministrattivi fejn ipoġġi temporanjament uffiċjali li jaqdu lilu flok il-ġustizzja għax issa qal li se jqatta’ sentejn jistudja l-problema u erba’ snin jaħseb kif se jibdel il-liġi minkejja li l-Kummissjoni Venezja diġà ilha 4 snin tgħidlu x’għandu jagħmel.

Il-Kummissjoni tosserva li sena wara li għalqet l-inkjesta wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-gvern ħalla fuq l-ixkaffa il-proposti biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni. Il-Kummissjoni tinnota l-ħafna diskors dwar aktar investigazzjonijiet, iżda tinnota l-ovvju: għad m’hemm ebda sentenza finali minn qorti li tikkundanna l-koruzzjoni li nafu biha.

Il-gvern jgħid lill-Kummissjoni li għandu ħafna pjanijiet għal riformi. Jgħid li se jirriforma l-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni per eżempju, imma kif jinnota r-rapport tal-Kummissjoni mhemm ebda evidenza lanqas ta’ ġbir t’informazzjoni dwar x’tagħmel u x’ma tagħmilx u għalfejn kemm ilha teżisti qatt ma waslet imkien.

Il-Kummissjoni ttenni l-appell għal regoli ta’ etika ħafna aħjar għall-uffiċjali għolja tal-gvern u ttenni wkoll l-inkwiet fuq kif Malta tbigħ il-passaporti.

Il-Kummissjoni Ewropea tiġbed l-attenzjoni li l-gvern għadu ma implimentax riformi biex jipproteġi ‘l-ġurnalisti sena wara l-inkjesta Daphne Caruana Galizia. Lanqas ma sar progress fuq ir-riforma mwiegħda tax-xandir pubbliku li l-Kummissjoni tgħid li hu regolat minn awtorità li mhix indipendenti u mhix effettiva. Il-Kummissjoni tgħid li għad m’hemmx regoli dwar kif il-gvern jonfoq il-flus mal-mezzi tax-xandir u tikkritika kemm il-gvern għadu jaħbi l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni Ewropea ttenni ilment li tagħmel spiss is-soċjetà ċivili li l-pubbliku ma jitħalliex jikkontribwixxi fit-tfassil tal-liġijiet. F’dan il-kuntest tgħid li l-konvenzjoni dwar it-tibdil tal-Kostituzzjoni li ilha mwiegħda ħafna, baqgħet fuq l-ixkaffa.

Ir-rapport fih biż-żejjed biex il-gvern ikollu biex jiftaħar fuq kemm riformi daħħal u kemm riformi wiegħed iżda ma fih ebda riżultat li juri li l-gvern bl-iċken mod beda jindirizza l-problemi fundamentali għas-saltna tad-dritt f’Malta. Malta għandha sistema ġudizzjarja dgħajfa, għad s’issa ma rnexxilhiex iġġib il-korrotti quddiem il-ġustizzja, u għadu perikoluż li tkun ġurnalist taħdem f’dan il-pajjiż.

Minflok nagħmlu l-progress, qed inkomplu niżolqu lura. Il-gvern għandu minnufih jiftaħ il-bibien tal-konsultazzjoni pubblika u jara li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kummissjoni Venezja, tal-Bord tal-Inkjesta Daphne Caruana Galizia, u ta’ ħafna entitajiet oħrajn jibdew jitwettqu bis-serjetà mhux bil-paroli biss.