Il-Maġistrat Nadine Lia illum ċaħdet talba ta’ Repubblika li tibda tisma’ mingħajr dewmien il-kawża ta’ challenge tagħna biex il-Pulizija jigu ordnati jaġixxu fuq il-konklużjonijiet tal-Inkjesta Magisterjali tal-2021 fil-kaz ta’ Pilatus Bank.

It-talba ta’ Repubblika biex il-Qorti tordna lill-Pulizija biex tieħu azzjoni saret f’Ġunju li għadda. Dan wara li Repubblika saret taf li l-Kummissarju tal-Pulizija ilu 15-il xahar jinjora ordnijiet tal-Maġistrat biex jieħu azzjoni kontra s-sid u d-diretturi tal-Pilatus Bank fuq id-delitti ta’ assocjazzjoni kriminali (conspiracy) u partecipazzjoni f’ghaqda bil-ħsieb li jsiru reati kriminali, fost oħrajn, u biex jieħu azzjoni kriminali dwar trading in influence kontra Keith Schembri. Dan minbarra li l-Inkjesta Maġisterjali dwar il-Pilatus Bank ordnat li terga’ tinfetah l-Inkjesta EGRANT minħabba provi ġodda.

Meta l-ilment ta’ Repubblika ġie quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, din appuntat l-ewwel smiegħ għas-27 ta’ Ottubru li ġej li jfisser li din il-kwistjoni titħalla mdendla għal mill-anqas erba’ xhur oħra, f’liema żmien dawk li suppost tittieħed azzjoni kontrihom ikomplu jingħataw kull opportunità jeqirdu l-provi li jista’ għad fadal kontrihom.

Minbarra hekk, Repubblika jidhrilha li minħabba l-kunflitt ta’ interess lampanti tal-Maġistrat Nadine Lia, li hi mart iben l-avukat tal-Partit Laburista u li kien l-avukat tal-istess Keith Schembri u kien ukoll l-avukat li talab il-ftuh tal-Inkjesta EGRANT, l-ewwel seduta ta’ dan il-każ għandha titratta r-rekuża tagħha ghax huwa ovvju li s-Sinjura Maġistrat ma kellhiex dik l-indipendenza u imparzialità suġġettiva li kull Ġudikant għandu jkollu. Għax il-Ġustizzja trid TIDHER li qed issir.

Dan se jkun ifisser aktar dewmien bla bżonn biex jibda jinstema’ l-kas.

Għalhekk Repubblika, permezz tal-Avukat tagħha Jason Azzopardi, ftit jiem ilu talbet lill-Maġistrat Lia tqarreb id-data tal-ewwel smigħ tal-kawża.

Il-Maġistrat Lia illum ċaħdet din it-talba għal data aktar viċina.

Il-Liġi li tirregola x’għandu jiġri meta ċitaddin jeżerċita d-dritt li jitlob qorti tordna lill-pulizija tieħu azzjoni fejn imissha, fiha skadenzi qosra biex ma jkunx hemm dewmien u tkaxkir tas-saqajn wara li l-Qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha.

Minflok, it-tkaxkir tas-saqajn issa qed isir mill-Qorti stess kuntrarju għal dak li trid il-Liġi li ma tħallix lil dawk li jwettqu reati kriminali jevitaw il-ġustizzja bil-koperazzjoni tal-istituzzjonijiet li hu dmirhom jieħdu azzjoni kontrihom.

Hu tassew ta’ frustrazzjoni li persuni fl-istituzzjonijiet jaġixxu b’mod li jkompli jiggarantixxi l-impunità lill-kriminali qrib il-politika.

Anness hawn ir-rikors li sar minn REPUBBLIKA quddiem is-Sinjura Maġistrat Lia.