Nirreferu għall-kummenti li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa’ għamel ftit tal-ħin ilu fir-rigward tal-proċeduri fuq l-Inkjesta tal-Pilatus Bank.

Tajjeb li mhumiex għalxejn l-isforzi ripetuti ta’ Repubblika biex timbotta lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu xogħlhom.

Angelo Gafa’ ilu 15-il xahar li rċieva mingħand il-Magistrat Inkwirenti kopja tal-proċess verbal ta’ din l-Inkjesta – li swiet €7.5 Miljun – u għalhekk ilu 15-il xahar li rċieva ordni mingħand il-maġistrat inkwirenti biex imexxi kontra l-Bank Pilatus u kontra 6 persuni assoċjati miegħu, inkluż sid il-bank.

Mexxa biss kontra l-bank u persuna waħda, minkejja l-ordni tal-maġistrat u minkejja li fl-inkjesta ġew individwati reati ta’ ħasil ta’ flus, trading in influence, assocjazzjoni kriminali, dikjarazzjonijiet foloz lil awtorita’ pubblika u l-kostituzzjoni, l-organizzazzjoni u finanzjament ta’ għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali.

Kontra Mehmet Tasli, Rivera Luis Felipe, Ali Sadr Hasheminejad, Ghambari Hamidreza u Antoniella Gauci Angelo Gafa’ ma ħa l-ebda passi fil-Qrati.

Fid-19 ta’ Jannar 2022 konna ippreżentajna denunazja uffiċjali lill-Kummissarju tal-Pulizija dwar dan il-każ u dwaru rċevejna acknowledgement biss.

Għalhekk fid-19 t’April 2022 erġajna ktibna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex infakkruh li wara tlitt xhur il-Korp tal-Pulizija lanqas biss kien kellimna biex jagħtina informazzjoni jew risposta fir-rigward ta’ dak ir-rapport.

Ħadd mill-Korp tal-Pulizija ma kellimna fuq dan is-suġġett.

Għalhekk fl-24 ta’ Ġunju ta’ din is-sena kellna nibdew proċeduri ta’ challenge kontra l-Kummissarju biex inġegħluh jieħu azzjoni kif kien ordnat lilu mill-Maġistrat Inkwirenti 15-il xahar ilu u kif timponi fuqu l-liġi. Għal din l-azzjoni tagħna l-Kummissarju irrisponda billi pprova jaħrab mir-responsabbilitajiet tiegħu.

Huwa xokkanti li dalgħodu l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi jgħidilna li issa l-Pulizija għadha ser toħroġ international arrest warrants fuq dan il-każ. Dan il-pass qed isir tard wisq u qed isir għax il-Kummissarju qed ikun imġiegħel iwettaq dmiru mis-soċjeta’ ċivili. Dan kollu mhux aċċettabbli.

Lill-Kummissarju tal-Pulizija ngħidulu, bħalma ngħidu lill-Avukat Ġenerali wkoll, li meta niltaqgħu fil-Qorti dalwaqt nuruhom iswed fuq l-abjad il-kollużjoni tagħhom biex jipproteġu lill-kriminali.

Aħna ser niżguraw li l-istituzzjoninijiet jiffunzjonaw, iridu jew ma jridux.