Min ser jerfa’ r-responsabbiltà li ma sar xejn biex tkun imsewwija l-qagħda diżastruża fil-qasam ta’ kif ikunu ttrattati l-każijiet ta’ vjolenza domestika minkejja li kien jaf biha?

Repubblika tirreferi għall-istorja mxandra fis-Sunday Times dwar l-istudju “Perpetrators of Domestic Violence: Statistics and Perceptions of Risk Factors for Harmful Behaviour” li l-Gvern ilu jżomm sigriet għal sena sħiħa.

Matul din is-sena nqatlu żewġ nisa u numru ta’ nisa oħra baqgħu isofru fis-skiet ta’ darhom fil-waqt li l-Istat Malti jibqa’ jħares in-naħa l-oħra.

U issa, wara li nqatlet l-aħħar mara, il-Gvern jiġi bil-wiċċ tost kollu jgħid li se jagħmel studju x’mar ħażin, meta sena ilu kellu digà f’idejh rapport dwar dawn il-problemi.

Aħna nistennew li l-Gvern jippublika immedjatament dan ir-rapport u jiżgura li min naqas jirrispondi ta’ għemilu.

Repubblika tistqasi wkoll għalfejn kellha tiddaħħal mart il-Prim Ministru f’dan ir-rapport? Is-Sinjura Abela la hi persuna eletta u lanqas membru tal-Gvern.

Ma jistax ikun li l-Gvern jibqa’ juża t-tbatija ta’ dawn il-vittmi biex jiskorja punti partiġġjani u fl-istess ħin ma jagħmel xejn.