Ir-rivelazzjoni li għamel il-President ta’ Repubblika dwar l-MFSA waqt intervista li xxandret ilbieraħ fuq Net Television hi waħda serjissima. Robert Aquilina żvela li mit-transcripts tal-Inkjesta Maġisterjali dwar l-operat tal-Bank Pilatus jirriżulta li uffiċjali tal-MFSA ħbew evidenza lill-Maġistrat Ian Farrugia billi żammewha moħbija f’safe fl-uffiċċji tagħhom fil-bini tal-MFSA. Dan għamluh bi ksur tal-ordni li kien tahom il-Maġistrat Ian Farrugia.

Dawk id-dokumenti jirrigwardjaw il-kapitalizzazzjoni u l-likwidita’ tal-Bank Pilatus. L-evidenza waslet għand il-Maġistrat Inkwirenti biss wara li dawn iż-żewġ uffiċjali rriżenjaw mill-MFSA.

F’dawn is-siegħat Robert Aquilina ta lill-ġurnalisti kopja tal-estratt mill-Inkjesta dwar il-Bank Pilatus li tipprova dan il-fatt. Din hi evidenza li ma jista’ jmeriha ħadd.

Il-liġijiet ta’ pajjiżna jagħmluha ċara li l-ħabi ta’ evidenza ta’ reat huwa reat fih innifsu.

Anġlu Gafa’, Alexandra Mamo u Victoria Buttiġieġ ilhom 21 xahar bir-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-Bank Pilatus fuq l-iskrivaniji tagħhom u allura ilhom 21 xahar li jafu b’dan il-fatt xokkanti.

Nistennew li l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jieqfu jkaxkru saqajhom u jieħdu azzjoni konkreta llum qabel għada fuq dan l-abbuż li ġie żvelat f’dawn is-siegħat.

Barraminhekk, in-nies jixirqilhom spjegazzjonijiet dwar il-fatt li l-istituzzjonijiet pubbliċi baqgħu ċassi quddiem dan l-abbuż.

L-MFSA kienet l-ewwel li kienet taf b’dawn il-fatti. Saret investigazzjoni mill-MFSA dwar dan l-abbuż imwettaq minn uffiċjali tagħha stess? Jekk saret, x’irriżulta u x’passi ttieħdu?

Mingħand il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali nistennew li jinfurmaw lill-pubbliku għaliex għadhom ma ħadux passi fil-Qorti in konnessjoni ma’ dawn il-fatti dokumentati.

Pajjiżna ma jistax joħroġ mill-isqaq li daħal fih jekk min imexxi l-istituzzjonijiet tiegħu jibqa’ jaħbi d-dnubiet imwettqa minn uffiċjali pubbliċi.