1. Kulħadd għandu kull dritt jifforma l-evalwazzjoni tiegħu dwar il-kreddibiltà ta’ whistleblower. Il-fehma ta’ Joe Giglio dwar Maria Efimova nafuha mill-fatt li f’isem il-klijenti tiegħu ra kif ippersegwitaha fil-qorti sakemm instab li dak li qalet li ma tħallsitx mill-klijenti tiegħu kien vera u kellhom iħallsuha wara l-azzjoni li ħadet. Il-klijenti ta’ Joe Giglio – is-sid u d-diretturi ta’ Pilatus Bank – jaqblilhom li tinqered il-kreddibiltà tal-whistleblower li kixfithom daqs kemm jaqbel ‘il kull min kixfet x’kien qed iħawwad fil-Pilatus Bank.

    Fl-intervent tiegħu dal-għodu Joe Giglio irrappreżenta lid-diretturi tiegħu bħala anġli tas-sewwa. Imma l-bank tagħhom ma ngħalaqx għalxejn mill-Bank Ċentrali Ewropew. Sid il-bank ma nstabx ħati ta’ frodi bankarja minn ġurija f’qorti federali Amerikana għalxejn.

    Meta jirrappreżenta ‘l-klijenti tiegħu fil-Qorti, Joe Giglio jagħmel xogħlu billi jpinġi lill-kriminali bħala anġli. Meta juża l-kredenzjali tiegħu ta’ Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni ma jkollux biss kunflitt t’interess. Ikun qed jitradixxi l-funzjoni demokratika tiegħu.

  2. Joe Giglio qal illum li “l-partiti huma dejjem ogħla minn kwalunkwe NGO”. Ma ħadnix għalina għax maqdar lilna. Diġà rajnieh jirrappreżenta klijenti oħra f’inkjesti Maġisterjali wara li aħna kxifna r-reati kriminali li kienu qed iwettqu. Konna nafu x’jaħseb fuqna Joe Giglio. Dan apparti li mhux se jkun l-ewwel u lanqas l-aħħar politiku li jgħajjarna aktar baxxi minnu. Imma magħna Joe Giglio rema’ ‘l barra s-soċjetà ċivili kollha.

    M’hemmx ogħla u aktar baxx f’demokrazija. Hemm il-funzjoni ta’ partiti u hemm il-funzjoni tal-għaqdiet mhux governattivi. U waħda mill-funzjonijiet tal-għaqdiet governattivi hi li jikxfu dak li jagħmlu ħażin il-partiti u li jaġixxu fejn l-istituzzjonijiet ifallu.

    Jekk Joe Giglio ma jridx “jaħli ħin” magħna u mas-soċjetà ċivili jiddandan bil-kredenzjali demokratiċi dubjużi ta’ ħafna politiċi li jaħsbu li għax l-elettorat fdahom temporanjament bil-poter għalihom kulħadd sar dubbien.

    Aħna se nibqgħu “naħlu” l-ħin tagħna ma’ Joe Giglio u mal-politiċi li jidħlu fil-ħajja pubblika biex jaqdu aħjar lill-klijenti privati, miljunarji u kriminali tagħhom.

  3. Waqt li hu kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern, Joe Giglio jinnegozja bħala l-avukat tal-klijenti kriminali tiegħu mal-istituzzjonijiet tal-pajjiż. Flok jara li l-istituzzjonijiet jaqdu dmirhom lejn il-poplu Malti, irid jara li l-istituzzjonijiet jaqdu lill-klijenti kriminali tiegħu. Dan mhux kunflitt t’interess ordinarju. Din hi inkompatibilità li ma tistax tissewwa.

    Għalkemm tal-waħx, mhux sorprendenti li Joe Giglio illum iddefenda lil Victoria Buttigieg li għad s’issa ma spjegatx għalfejn ħafret lil kriminal li spara fuq il-pulizija għax interrompewh waqt li kien qed jisraq bank.

    Joe Giglio ma remiex biss lil Repubblika b’din il-pożizzjoni. Aktar importanti minna, rema’ lill-pulizija u ‘l-assoċjazzjoni tagħhom li talbu għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali wara li ħafret lil min prova joqtol lil uħud minn sħabhom waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

    Għandom kull raġun il-Pulizija jikkonkludu li wara li tradiethom l-Avukat Ġenerali issa tradiethom ukoll l-Oppożizzjoni Parlamentari. Aħna nsellmulhom u ntennu li se nibqgħu nappoġġjaw lill-pulizija u l-uffiċjali pubbliċi kuraġġjużi li jissograw ħajjithom biex iħarsu s-saltna tad-dritt.

    Joe Giglio għandu r-raġunijiet personali u professjonali tiegħu għalfejn jaqdi lill-kriminali. Bħala avukat dak, fuq kollox, hu xogħolu. Bħala politiku tal-Partit Nazzjonalista, Parlamentari, u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Intern, qabel il-kriminali Joe Giglio għandu jaqdi lir-repubblika ta’ Malta u l-ewwel ‘il dawk minn niesha li jobdu l-liġi.