Mix-xhieda li taw membri tal-Korp tal-Pulizija fil-kas kontra l-eks-uffiċjal tal-awtorità li tirregola l-logħob, jirriżulta li f’Diċembru li għadda espert imqabbad mill-qorti sab evidenza li kienet tindika li xi ħadd fil-korp tal-pulizija kien ixxaħħam biex ma tittiħidx azzjoni fir-reati li kienu qed iwettqu Iosif Galea u l-allegati kompliċi tiegħu.

Dan ifisser li Angelo Gafà kien ilu jaf mill-anqas 6 xhur li l-korruzzjoni tal-korp li jmexxi kienet qed tħalli kriminali jgawdu l-impunità.

Dan il-fatt irid jitqies ma’ numru ta’ fatti oħra diġà magħrufa: li kien hemm mandat t’arrest Ewropew kontra Iosif Galea u li Iosif Galea tħalla jsiefer mill-pulizija, u li l-pulizija ħbiet ir-rekord tal-awtorizazzjoni li Iosif Galea jsiefer.

U fuq dan kollu l-aktar fatt importanti: Iosif Galea hu ħabib u satellita ta’ Joseph Muscat.

Angelo Gafà qed iwieġeb dawn ir-rivelazzjonijiet skandalużi bis-silenzju li minnu nnifsu hu nuqqas. Ir-responsabbiltajiet u l-poteri tal-Kummissarju tal-Pulizija iġorru magħhom il-kontabilità lejn il-pubbliku. Sakemm ma jgħidx x’għamel meta sar jaf li l-kriminali kienu qed jixtru lill-pulizija biex ħadd ma jmisshom jekk jinqabdu, il-konklużjoni bil-fors tkun li m’għamel xejn.

Angelo Gafà jrid jagħti kont ta’ dak li għamel u dak li m’għamilx. Għada l-Erbgħa, 8 ta’ Ġunju 2022, fis-7 pm, Repubblika se tindirizza l-istampa dwar din it-tema quddiem id-dħul ewlieni tal-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana.