Repubblika tħabbar li qed issejjaħ protesta illejla il-Ġimgħa, 25 ta’ Frar 2022 fit-8 pm quddiem l-Ambaxxata tal-Federazzjoni Russa f’Malta fi Triq Antonio Schembri, il-Kappara, San Ġwann.

Il-protesta hi maħsuba biex tappella lill-awtoritajiet Russi jordnaw immedjatament il-waqfien tal-invażjoni u l-aggressjoni militari fil-pajjiż sovran tal-Ukrajna u li jordnaw lura lejn ir-Russja il-forzi militari tar-Russja.

Fil-protesta se jinqara’ u jingħata messaġġ lill-awtoritajiet Russi f’isem il-Maltin ta’ rieda tajba li jridu l-paċi minflok il-gwerra.

Qed nappellaw lil kull min jixtieq isieħeb dan il-messaġġ biex jingħaqad magħna f’din il-protesta għall-paċi. L-appell imur ukoll għal kull għaqda jew soċjetà f’Malta li tippromwovi d-drittijiet umani u l-ġustizzja soċjali.

Repubblika se tagħmilha ċara mal-awtoritajiet Russi li l-Maltin ta’ rieda tajba ma jħossu ebda stmerrija lejn il-poplu Russu jew lejn Russi li għamlu lil Malta darhom u jgħixu fostna. L-istmerrija tagħna hi lejn l-ambizzjoni, ir-rgħejba, u l-kattiverja ta’ dawk il-ħakkiema Russi li jaħsbu li d-dritt internazzjonali u l-obbligi ta’ rispett reċiproku bejn il-poplu ġirien ma jgħoddux għalihom.

Il-pubbliku hu mheggeg igib mieghu xemghat u kartelluni b’appell ghall-paci u ta’ solidarjeta’ mal-Poplu Ukren.