Din hija d-dritt ta’ tweġiba mibgħuta mir-Repubblika lil One News.

Sur Montebello,

Nirreferi għar-rapport tal-kamra tal-aħbarijiet li tmexxi intitolat ‘IR-REPUBBLIKA TGĦAJJAR ‘FOSSILI’ LID-DEPUTATI UXXENTI TAL-PN’ u ffirmat mill-ġurnalist Samuel Lucas.

L-imsemmi rapport jattribwixxi lil Repubblika kumment li Repubblika qatt ma għamlet. F’isem Repubblika jitkellem biss il-Kumitat Eżekuttiv, li bl-ebda mod ma esprima ruħu b’dan il-mod.

Il-fatt li l-imsemmi rapport jattribwixxi inġustament u b’mod qarrieqi lil Repubblika affermazzjoni li hi qatt ma għamlet kien espress ukoll mill-awtur tat-tweet ikkwotat fir-rapport. Fi tweet separat, il-persuna kkonċernata qalet: “Let me make it very clear to them that I represent nobody but myself and they’re going to find themselves slapped with legal action if they persist in claiming I represent others”.

Repubblika tinnota li l-Kamra tal-Aħbarijiet tal-ONE għaddejja b’kampanja qarrieqa u inveritjiera fil-konfront tagħha bi skopijiet li huma għalkollox differenti, u spiss opposti, għall-iskopijiet u l-valuri tal-ġurnaliżmu.

Din l-ittra għandha tkun ippubblikata minnufih bħala dritt ta’ risposta skont ma jipprovdu l-Liġijiet ta’ Malta, u għandha tkun ippubblikata u mxandra bl-istess prominenza u importanza li bih ġie ppubblikat u mxandar ir-rapport imsemmi fuq il-mezzi kollha li fih ġie ppubblikat u mxandar dan ir-rapport. Fin-nuqqas ta’ dan, Repubblika se tkun qed tieħu azzjoni ulterjuri.

Tislijiet,

Dr Robert Aquilina
President