Repubblika issejjaħ lill-Maltin kollha ta’ rieda tajba biex fil-pjazez u l-ispazji miftuħa madwar Malta u Għawdex juru s-solidarjetà tagħhom mal-vittmi kollha tal-gwerra fl-Ukrajna b’azzjoni simbolika għada l-Erbgħa 2 ta’ Marzu 2022.

Repubblika hi diżappuntata bl-attitudni tal-gvern li qed isib skużi fjakki biex jiżgiċċa l-obbligi tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea biex jibqa’ jakkomoda l-bżonnijiet ta’ Vladimir Putin u l-ħbieb tiegħu. Malta għandha tissieħeb b’impenn fis-sanzjonijiet kontra r-reġim Russu li bl-aġir tiegħu qed jiswa l-ħajja t’eluf ta’ ċittadini tal-Ukrajna.

Repubblika ttenni s-solidarjetà tagħha mal-poplu tal-Ukrajna, vittma tal-aggressjoni unilaterali tar-reġim Russu. Kuntrarju għal dak li qed jgħid il-Prim Ministru Robert Abela dan ma jfissirx xi mibgħeda għall-poplu jew ċittadini tar-Russja. Ifisser biss li neżiġu r-rispett tas-sovranità u l-integrità territorjali ta’ kull pajjiż u li kull poplu għandu d-dritt jgħix fil-paċi ħieles mill-aggressjoni ta’ ġirien akbar minnhom.

Iżda dan m’għandux jieqaf fid-diskors biss. Malta għandha tieqaf minnufih tgħin lir-reġim aggressiv Russu billi tagħti kenn lill-oligarki ta’ Vladimir Putin u tgħinnhom jaħbu flushom.

Maltin u Għawdxin ta’ rieda tajba huma msejjħa jżuru l-pjazez u l-ispazji miftuħa tal-bliet u l-irħula tagħhom għada l-Erbgħa bejn is-6 pm u d-9 pm u jieħdu ritratt tagħhom infushom iqiegħdu fjuri u xemgħat ma’ posters bil-messaġġ mehmuż ma’ din l-istqarrija. Ir-ritratti għandhom jitqiegħdu fuq il-mezzi soċjali immarkat b’#WeStandWithUkraine.

Dan ikun messaġġ ċar ta’ solidarjetà mingħajr tlaqliq tal-Maltin ta’ rieda tajba mal-vittmi ta’ din il-gwerra, msaffija mill-ambigwità tal-pożizzjoni tal-gvern Malti li ma jrid jibqa’ jinħabb ma’ Vladimir Putin u l-oligarki tiegħu.