Ma nifhmux id-deċiżjoni tal-gvern li jġib lura mis-sospensjoni impjegati tas-servizz pubbliku akkużati b’reati serji. M’hemmx dubju li sakemm misjub ħati, kulħadd hu preżunt innoċenti. Iżda m’hemmx dubju wkoll li s-servizz pubbliku jrid ikun magħmul minn nies eżemplari mingħajr dell fuqhom.

Mhux ġust għall-impjegati l-oħra tas-servizz pubbliku li jkollhom jaħdmu fuq l-istess bank ma’ nies li l-pulizija u l-prosekutur jemmnu li wettqu reati serji.

Hu għalhekk li nsieħbu dawk li pprotestaw li nġiebet lura għax-xogħol persuna li hi akkużata li wettqet fastidju sesswali fuq ix-xogħol. Din id-deċiżjoni, li milli jidher hi motivata minħabba li l-persuna kkonċernata għandha konnessjonijiet politiċi, hi minnha nfisha theddida lin-nisa fuq il-post tax-xogħol, impliċitament avżati li min jiffastidjahom illum se jerġa’ jiġi fuq il-post tax-xogħol għada.

Nirreferu għal rimarki tas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg li qalet li ma kinitx timpjega lill-individwu kkonċerant fl-uffiċju tagħha “bħala ministru responsabbli mill-ugwaljanza.” Il-gvern ma jistax ikollu politika ta’ ugwaljanza li tgħodd biss għall-ministeru tal-ugwaljanza. Il-politika tal-ugwaljanza (u tal-protezzjoni tal-valuri kollha alegattament oltraġġati minn persuni akkużati b’reati serji) għandha taħdem fis-servizz pubbliku kollu.

Il-gvern għadu ma spjegax għalfejn iddeċieda li jġib lura għax-xogħol persuni sospiżi għax il-pulizija akkużathom b’reati serji. Se nkunu pożittivi u nassumu li r-raġuni li dawn iddaħħlu lura għax-xogħol mhix li ġejja elezzjoni.

L-unika skuża possibbli li jista’ għandu l-gvern hi li persuni sospiżi huma innoċenti sakemm ippruvat mod ieħor. Bħalissa il-proċeduri kriminali jdumu jġebbdu wisq fit-tul, għalhekk mhux sew li xi ħadd preżunt innoċenti jdum jistenna sospiż is-snin. Imma s-soluzzjoni mhix li ma jkunx hemm sospensjoni. Is-soluzzjoni hi li jsir it-tibdil meħtieġ fis-sistema ġudizzjarja biex jonqos id-dewmien tal-proċeduri kriminali.

Il-gvern donnu qata’ qalbu li jirriforma l-ġustizzja, u b’hekk l-unika soluzzjoni li sab huwa li jerġa’ jdaħħal persuni akkużati b’reati serji lura ix-xogħol. B’hekk il-ħaddiema u l-klijenti tas-servizz pubbliku issa jkollhom iħabbtu wiċċhom kuljum ma’ dawn il-persuni.